Konferma li x-xogħol li sar fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid sar ħażin; dan hekk kif il-Ħamis filgħodu tħabbar li l-pjazza se terġa’ tinqala’ – aħbar li ġabet magħha baraxx ta’ kritika wara li ġiet ippubblikata fuq il-Facebook Page tas-Super One, fejn bosta persuni qalu li dan huwa eżempju ċar ta’ falliment minn naħa tal-Gvern, b’xogħol doppju li jitħallas mill-flus tal-poplu Malti u Għawdxi.
Oħrajn qalu li mhuwiex minnu li l-pjazza ġarrbet xi ħsarat. Iżda l-verità hi li ix-xogħol sar ħażin mill-bidu.
Dan apparti li oħrajn qed jittamaw li din id-darba x-xogħol isir kif suppost.
Persuni oħra qalu li huwa tal-mistħija li proġett riċenti se jerġa’ jinqala kompletament; filwaqt li esprimew kif issa se jerġa’ jkun hemm inkonvenjent kbir għar-residenti u għal dawk kollha li jgħaddu minn hemm ta’ kuljum.
Dan il-proġett kien mifni bil-kritika sa minn qabel ġie inawgurat propju lejn l-aħħar tal-2018 – proġett li ġie jiswa lill-poplu €3 miljuni u issa ħames snin wara se jerġa’ jinqala’ kollu.
Mill-bidu nett kien hemm diversi problemi hekk kif parti mit-triq bdiet tisfronda. Dan apparti li kien hemm dewmien kbir sabiex dan il-proġett ġie konkluż. B’ċertu xogħolijiet baqgħu għaddejjin sa xhur wara l-inawgurazzjoni.
Kontroversja oħra kienet meta tqaċċtu s-siġar tant sbieħ li kien hemm fil-pjazza, u li kienu joffru kenn mill-qilla tax-xemx matul l-istaġun tas-sajf – biex spiċċajna bi pjazza kollha konkos u li nofsha diġa’ sfrundat.
Intant, f’post fuq il-midja soċjali, intqal li x-xogħolijiet ta’ din il-pjazza se jitlestew fi żmien tlett ġimgħat b’numru kbir ta’ persuni sabuha ferm diffiċli biex jemmnu dan, hekk kif saret prassi li jkun hemm dewmien esaġerat fil-proġetti – kif seħħ fil-Pjazza tal-Mosta, fil-Kalkara kif ukoll fix-xatt tal-Imsida.
//= $special ?>