Lokali Parlament

L-Awtorità dwar il-Klima hi proposta tal-PN; jeħtieġ li din tkun Awtorità effettiva


Albert Buttigieg, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg sostna fil-parlament li l-Awtorità dwar il-Klima hi proposta tal-PN u appella biex din l-Awtorità tkun waħda effettiva.


Fil-parlament Albert Buttigieg qal li l-iskop tal-Awtorità dwar il-Klima hu biex jitħares it-tibdil fil-klima u għalhekk il-PN jaqbel magħha iżda dan l-abbozz qed jitressaq tliet snin tard.


Il-PN kien daħħal din il-proposta fil-manifest elettorali tal-aħħar elezzjoni ġenerali. Il-parlament ukoll kien laqa’ l-pożizzjoni tal-PN li l-pajjiż jinsab f’emerġenza tal-klima; issa l-gvern qed iwettaq din il-proposta tal-ħolqien ta’ din l-Awtorità.


It-tibdil fil-klima hu fenominu li hu realtà u mhuwiex biss xi pożizzjoni tal-fundamentalisti ambjentali, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li ambjent tajjeb iwassal għal klima tajba. Il-popli ma jistgħux jibqgħu jkissru l-ambjent u l-klima u minkejja li hi pajjiż żgħir, Malta għandha tagħti l-kontribut tagħha aktar u aktar meta l-klima Mediterranja qed tinbidel għal dik viċin deżert.


Id-deputat Nazzjonalista qal li ċertu temperaturi li qed iseħħu f’Malta mhumiex normali minħabba sħana li mhijiex naturali. It-tibdil fil-klima se jħalli impatt fuq l-agrikoltura, fuq il-kwalità tal-ħajja u fuq it-turiżmu. Hu qal lit-twaqqif ta’ Aworità weħidha mhux se jkollha effett fuq it-tibdil fil-klima u għalhekk din m’għandhiex tkun awtorità bla vuċi.


Id-deputat Nazzjonalista qal li wħud mill-awtoritajiet ambjentali, fosthom l-ERA, diversi drabi jonqsu minn dmirhom fil-protezzjoni għall-ambjent. L-ERA ħaslet idea fil-kwistjoni tal-impjant tat-tarmak fl-Iklin u San Ġwann u f’każi f’San Ġiljan u Paceville waqt li l-Ombudsman tal-Ambjent qed jispiċċa injorat mill-Awtorità tal-Ippjanar u anki mill-parlament.


L-Awtorità tal-Patrimonju Kulturali wkoll qed tiġi injorata u ma titkellimx fuq kwistjonijiet ambjentali tant li lanqas kienet kapaċi ġġib il-ġebla storika mingħand il-Ministru Anton Refalo. L-Awtorità tal-Ippjanar ukoll qed tmur kontra l-policies tagħha biex taġevola lil xi fat cat.


Id-deputat Nazzjonalista qal li biex titħares il-klima jridu jittieħdu deċiżjonijiet iebsa. Hu staqsa jekk wasalx iż-żmien li ma jibqax isir iktar bini, li ma jibqax isir bini fil-widien u fl-ODZ, li kmamar abbandunati fil-kampanja ma jsirux vilel, li tkun infurzata l-policy dwar it-trab fil-bini, li t-twieqi tad-djar kunu double-glazed, li d-djar ikunu insulari u li d-djar ikollhom il-bjar.


Albert Buttigieg staqsa wkoll jekk wasalx iż-żmien li l-Awtorità tal-Ippjanar timponi l-policy ta’ spazju ta’ parkeġġ wieħed għal post wieħed, li kull bejt ikollu l-panelli solari, li jitnaqqsu l-ammont ta’ karozzi mit-toroq, li jibda trasport tal-massa, li tgħola jew tonqos l-età ta’ dawk li jsuqu vetturi li jħammġu, li l-liċenzji jitħallsu skont kemm tintuża l-karozza, li t-test tal-VRT ikun test ta’ veru u mhux ċertifikat u li tingħata iktar għajnuna lill-vetturi elettroniċi.


Id-deputat Nazzjonalista staqsa wkoll jekk wasalx iż-żmien li jkun hemm inċentivi li min ma jużax il-karozza għal ċertu perjodu. Dawn huma proposti li saru f’pajjiżi oħra.


Hu tkellem dwar is-siġar u appella biex l-ERA ma tibqax tagħmel diskriminazzjoni bejn siġra endemika u siġra oħra. Il-ġonna privati fid-djar wkoll għandhom ikunu protetti għaliex ħafna ġonna ta’ djar qed jintilfu u jinqerdu biex jinbdew id-djar.


Id-deputat Nazzonalista staqsa jekk wasalx iż-żmien li s-sussidju fuq il-fuel ikun immirat lil dawk li verament huma fil-bżonn. Hu sostna li ċertu deċiżjonijiet iridu jittieħdu u l-gvern m’għandux jibqa’ rikattat mill-voti.