Internazzjonali

L-Ingilterra: Il-Gvern u l-poplu jingħaqad f’solidarjetà mar-Re Charles wara d-dijanjosi tal-kanċer

Il-Re Charles tal-Ingilterra jinsab rikoverat id-dar, fejn qed jibda kors ta’ trattament għall-kanċer bħala outpatient.

It-tumur inqabad kmieni u waqt li r-Re kien qed isirlu intervent għal problemi tal-prostata. Intant, il-Prim Ministru Britanniku  Rishi Sunak qed iżomm kuntatt regolari mal-Familja Irjali – u meta  l-Prinċep Harry, iben Charles u li għandu relazzjonijiet diffiċli mal-Monarkija, wasal l-Ingilterra minn Kalifornja (fl-Istati Uniti) biex ikun maġenb missieru.

Mistenni wkoll li r-relazzjonijiet bejn Charles u Harry għandhom jitranġaw f’dan iż-żmien ta’ kriżi għall-Familja Rjali. Dan meta l-istampa Britannika – b’mod partikulari t-tabloids – qegħdin isegwu bir-reqqa kull żvilupp, anki jekk ma jidhirx li l-uffiċjali mal-Monarkija għandhom joħorġu bid-dettalji speċifiċi dwar il-problemi tas-saħħa u t-trattament li qed jirċievi Charles.

Fil-fatt, avolja l-kundizzjoni tar-Re Charles – li qiegħed għall-mistrietħ fi Clarence House —  kienet tħabbret uffiċjalment mill-Palazz ta’ Buckingham, dan il-bullettin ma dettaljax it-tip ta’ kanċer li sabu t-tobba.

Madankollu, ir-Re – li għandu 75 sena – qed jippjana biex ikompli xorta bl-impenji regolari tieghu, għalkemm mifhum li hu, għalissa, mhux se jkun involut fid-dehriet pubbliċi.

Fl-aħħar sigħat, il-Prim Ministru Sunak, wara diskors lill-Kabinett ta’ Londra, qal li l-ħsibijiet tiegħu u tal-Ministri huma mar-Re Charles fost awgurju biex il-Kap tal-Monarkija jfieq kompletament mill-marda kiefra.