Internazzjonali

L-Istati Uniti:  Qorti f’Washington tiddeċiedi li Trump ma jgawdix l-immunità bħala eks President Amerikan

L-eks President tal-Istati Uniti, Donald Trump – kuntrarju għal li kien qed jaħseb — ma jgawdix l-immunità u jista’ jispiċċa proċessat rigward akkużi li hu kien involut f’kumplott intiż biex jinqaleb ir-riżultat tal-elezzjoni Presidenzjali tal-2020 li ntrebħet mir-rivali kbir tiegħu ( u l-kandidat Demokratiku) Joe Biden.

Trump, qabel, insista li kellu rasu mistrieħa li ma kellhomx jitressqu akkużi kriminali fil-konfront tiegħu….Akkużi li setgħu jkunu relatati mal-impenji tiegħu bħala President Amerikan.

Madankollu, il-verdett mill-Qorti ta’ Washington biddel ix-xenarju kompletament u qed jitqies bħala disfatta għal Trump li kien ilu s-snin jinsisti dwar l-immunità presidenzjali fi żmien meta hu qed jiffaċċja diversi każi tal-qorti.

Fl-istess ħin, Trump mistenni jappella kontra l-verdett tal-qorti f’Washington u meta hu qed ikun akkużat dwar pjan biex jannulla ‘illegalment’ ir-rebħa elettorali ta’ Biden, fost it-twettiq ta’ frodi intiżi biex (Trump) ikompli  fil-poter wara l-ewwel (u l-uniku) mandat ta’ tmexxija.

Intant, il-proċess inkwistjoni kapaċi jispiċċa pospost għal ġimgħat, jekk mhux xhur,  f’sitwazzjoni fejn il-każ dwar ‘il-kumplott’ jispiċċa quddiem il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti.