Lokali

L-Ornitoloġija f’Malta kisbet l-isbaħ u l-akbar ammont ta’ medalji barra minn xtutna

Bħal kull sena id-dilettanti tal-Ornitoloġija ħadu sehem fl-ogħla esibizzjoni tal-għasafar li tiġi organizzata mill-Confederation Ornithlogque Mondiale (C.O.M), li fi ħdanha għandha 46 pajjiz madwar id-dinja.

Kull sena din l-esibizzjoni ssir f’pajjiz differenti, u din is-sena kien imiss li ssir ġewwa Talavera de la Reina, Spanja.

Din l-esibizzjoni ittellghet bejn is-26 ta’ Jannar u 28 ta’ Jannar u li fiha kien hemm il-fuq minn 24,000 għasfur esibit li ġejjin minn 22 pajjiz differenti madwar id-dinja, li fosthom kien hemm ukoll tal-Maltin. Din is-sena l-Maltin esibixxew 201 għasafar li fosthom insibu għasafar eżotiċi, kanali, tipi ta’ gamiem u summien, kif ukoll ghasafar ta’ Fauna Ewropea, jew aħjar kif insibuh aħna l-Maltin, dawk tal-għana.

Dawn l-esibituri ġejjin minn diversi klabbs tal-għasafar, affiljati mal-Klabb Bird Breeders Association C.O.M Malta. Il-klabb msieħba huma Malta Cage Bird Association, Songbirds Association Malta, Exotic Finch Association, Assoċjazzjoni Kanali Kulur Malta, Malta Glosterm Breeders Society u Malta Gloster Association.

Malta bdiet tieħu sehem f’din l-esibizzjoni fl-1998 fejn mill-ewwel irnexxielna nirbħu xi medalja jew tnejn. Illum ma nistgħux ngħidu hekk u dan għaliex id-dilettanti Maltin raw kif għamlu biex jgħollu l-istandards tal-għasafar biex ikun jista’ jikkompeti bl-aktar mod professjonali. Din is-sena kien wieħed aktar speċjali għalina l-Maltin u l-Għawdxin, għaliex Malta kisbet l-akbar ammont ta’ midalji. L-ammont ta’ medalji huma dak ta’ 60, b’25 tad-deheb, 18 tal-fidda u 17 tal-bronż.

Il-preparazzjoni min-naħa tal-esibitur tibda minn żmien qabel u hemm triq twila mhux ħażin biex ‘breeder’ iwassal l-għasfur biex jirbħu dawn il-premijiet prestiġjużi. L-ewwel nett lesibitur, b’tant dedikazzjoni, irid jieħu ħsieb l-għasafar tiegħu bi professjonalita’ kbira. Fi żmien ta’ tnissil, bl-aktar attenzjoni jrid jipprova jnissel dak l-għasfur tal-ogħla kwalita. L-għasfur magħżul irid jilħaq l-ogħla standards, fejn tidħol rixa, tip, tul, saħħa u kundizzjonijiet fost oħrajn biex tkun tista’ tinġieb l-ogħla marka possibli fejn punt jaf jagħmel id-differenza jekk tintrebaħx midalja jew le.

Min-naħa tal-klabb (Bird Breeders Association C.O.M Malta) irid jieħu ħsieb l-organizzazzjoni għall-Mondial, fosthom li jilqa’ l-applikazzjonijiet u jirreġistra l-għasafar tal-esibaturi Maltin. Jiġu magħżula membri tal-kumitat mill-istess Assoċċazzjoni, kif ukoll minn assoċċazzjonijiet imsieħba mal-Bird Breeders Association C.O.M Malta. Dawn ir-rappreżentati (conveyers) jitilqu l-familjari għal bejn għaxart ijiem u ħmistax il-ġurnata, bl-akbar responsabbilta u dedikazzjoni jtellgħu l-għasafar lejn il-post tal-esibizzjoni u lura lejn Malta.

Dan il-proċess jinvolvi ħafna spejjeż u għalkemm l-għajnuna hija minima, b’sodisfazzjon kbir il-Bird Breeders Association C.O.M Malta flimkien mal-Assoċċazzjonijiet msieħba u l-qalb kbira tal-esibituri, dejjem irnexxielha tagħmel isem sabiħ lil pajjiżina.