Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti ċaħdet talba tal-Animal Guardians Malta. biex twaqqaf milli l-qtates li hemm fir-Residenza San Vinċenz jitneħħew mill-Cat Cafè li jgħixu fih. L–għaqda volontarja Animal Guardians Malta kienet ressqet il-mandat fil-konfront tal-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul Jorgen Souness, ir-Real Animal Rights Foundation, l-Animal Welfare Directorate u l-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina.
L-għaqda qalet li ilha sebgħa snin tmexxi l-Cat Cafè biswit ir-Residenza fejn tieħu ħsieb numru ta’ qtates u sostniet li dawk li ppreżentat il-mandat kontrihom jridu jneħħuhom mill-post. L-Imħallef Grixti, li sema’ t-talba, qal li minn dak li rriżultalu l-qtates huma ‘stray’ li jintużaw bħala parti mit-terapija tal-anzjani kif ukoll semma li wħud mill-qtates ħaduhom l-anzjani wara li daħlu fir-Residenza.
Huwa qal li dawk li l-għaqda ressqet il-mandat kontrihom, qed jallegaw li l-kuntratt mal-Cat Cafè hu xogħol kif ukoll li l-qtates qed jitħallew fi stat ħażin ta’ saħħa b’uħud mietu u tħallew hemm. Huma qalu wkoll li minflok 120 qattus hemm 325 u dan mhux biss qed ikun ta’ detriment għall-qtates stess imma anke għas-saħħa tar-residenti f’San Vinċenz.
Fid-deċiżjoni tiegħu l-Imħallef Grixti qal li huwa sema’ lill-Kap Eżekuttiv tar-Residenza San Vinċenz jiddikjara li mhux l-intenzjoni tagħhom li jirrilokaw il-qtates imma li dawn jingħataw il-kura u jitraqqdu biss fuq il-parir tal-veterinarju jekk ikun il-każ minħabba mard u kien għalhekk li ma laqax it-talba tal-Animal Guardians Malta.
//= $special ?>

