Lokali Parlament

Tiġdid ekonomiku biex noffru futur aħjar għal pajjiżna

Jerome Caruana Cilia, PN

Iż-żieda allarmanti fid-dejn ta’ pajjiżna qed tkompli tnaffar l-investiment minn pajjiżna.


Dan sostnih id-Deputat Nazzjonalista u x-Shadow Minister għall-Ekonomija, l-Intrapriża u s-Servizzi Finanzjarji Jerome Caruana Cilia waqt dibattitu fil-Parlament dwar l-estimi finanzjajri għas-sena 2024.


Id-deputat Nazzjonalista tefa’ dawl kif fi 11-il sena ta’ tmexxija Laburista l-Gvern aktar milli rdoppja d-dejn ta’ pajjiżna, tant li issa se jkollu jħallas €270 miljun matul l-2024 f’imgħaxxijiet fuq dan l-istess dejn, flus li kien ikun ferm aktar għaqli kieku użati biex itejjbu l-kundizzjonijiet ta’ professjonisti bħall-għalliema, tobba jew infermiera, fost oħrajn.


Jerome Caruana Cilia spjega kif l-investiment barrani sofra daqqa ta’ ħarta fl-aħħar deċennju. Fi twissija li kien hemm bżonn ta’ bidla fir-rotta, stħarriġ estensiv ta’ EY indika li kwazi terz tal-kumpaniji barranin qed jgħidu li ma jarawx futur f’pajjiżna u li huma biss ftit iktar minn terz biss tal-investituri barranin li qed jgħidu li qed jippjanaw li jespandu l-operat tagħhom matul din is-sena.


Huwa kkwota wkoll rapport riċenti tal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji li sab kif aktar minn 25% tan-negozji rreġistraw tnaqqis fil-bejgħ is-sena li għaddiet u 40% kellhom tnaqqis fil-profitti tagħhom. Kwota wkoll rapport tal-MFSA li juri kif fl-2022, pajjiżna attira 22 liċenzja ġdida fil-qasam tal-investiment kollettiv filwaqt li 71 għażlu li jitilqu minn pajjiżna.


“Dan kollu jixhed il-bżonn ta’ mudell ekonomiku li jwassal għal tkabbir sostenibbli u li joħloq impjiegi ta’ kwalità”, sostna Caruana Cilia. Huwa fakkar kif anke l-Fond Monetarju Internazzjonali qed jagħmel dan l-appell, meta f’rapport riċenti qal li kien hemm bżonn ta’ bidla fl-istrateġija ta’ żvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna.


Id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia esprima d-diżappunt tiegħu għal bosta rapporti li juru li aktar żgħażagħ jixtiequ jitilqu minn pajjiżna u hu fid-dawl ta’ dan kollu li l-Partit Nazzjonalista qed joffri viżjoni ta’ eċċellenza.


Viżjoni ċara li twassal għat-tiġdid ekonomiku, b’mudell ekonomiku sostenibbli, b’ħolqien ta’ xogħol ta’ kwalità, valur miżjud, filwaqt li jingħata nifs ġdid lill-ekonomija Maltija. Dan ukoll isir b’viżjoni, fejn in-nies ikunu prijorità, b’investiment fl-edukazzjoni, fil-kura tas-saħħa u fl-enerġija nadifa għal kwalità ta’ ħajja aħjar”, sostna u x-Shadow Minister għall-Ekonomija, l-Intrapriża u s-Servizzi Finanzjarji Jerome Caruana Cilia.