Lokali

Tikber il-pressjoni fuq Robert Abela wara l-kritika ta’ Zammit Marmarà

Tikber il-pressjoni fuq Robert Abela wara li l-attivista Laburista Desmond Zammit Marmara kritika lil Robert Abela għall-fatt illi spiċċa warrab il-governanza tajba, l-etika ġusta u l-kontabbiltà politika biex jerġa’ jdaħħal ismijiet notevoli li kienu tkeċċew mil-Labour.

Affaċjat bid-domandi ta’ Net News, il-Prim Ministru prova jagħti impressjoni li kollox business as usual. Tant li f’kumment li tana, qalilna biss li ma jaqbilx ma’ dak li kiteb Marmara. Iżda fil-verità, din it-testimonjanza li ta Desmond Zammit Marmarà hi rifless ta’ ammont kbir tal-elettorat.

Fit-Times, l-eks kunsillier Laburista saħaq illi l-manuvri li qed jagħmel Robert Abela huma daqqa ta’ ħarta għal dawk li baqgħu jemmnu lil-Labour Party u li afdaw fir-rieda tajba tal-Prim Ministru.

Zammit Marmara sostna li r-rijabilitazzjoni ta’ ċertu politiċi – bħal Joseph Muscat, Rosianne Cutajar u Justyne Caruana – hija theddida għad-demokrazija. U saħaq li dan kollu huwa “simply not on”.

B’Zammit Marmara jinsisti li Robert Abela bħal donnu nesa li l-politiċi għandhom ikunu ta’ eżempju għal ġenerazzjonijiet futuri. Xi ħaġa li anke l-Ministru Miriam Dalli donnu li nesiet, tant li meta ilbieraħ saqsejniha, hi farfret fuq l-istrutturi tal-partit.

Desmond Zammit Marmarà minn naħa tiegħu sostna illi filwaqt li l-Prim Ministru dejjem tkellem dwar standards etiċi għoljin…. id-deċiżjonijiet li qed jieħu farrku kompletament in-narrattiva tiegħu. Biex spicca baxxa rasu taħt il-pressjoni tal-10,000 partitarju hardcore illi għandu l-Labour.

Zammit Marmara sostna li Abela qed jibża’ mir-riżultat tal-elezzjonijiet ta’ Ġunju, jibża’ li ma jlahhaqx mal-aspettativi mistennija – fi kliem sempliċi xeħet ‘il barra mit-tieqa l-kontabbiltà politika biex jintgħoġob ma’ niesu. U sostna li jekk Abela qed jibbaża’ l-futur ta’ pajjiżna fuq ir-rieda tal-fanatiċi Laburisti – tant illi stqarr bla tlaqliq li Alla biss jista’ jgħin lil Malta.

Zammit Marmara insista li kif sejrin l-affarijiet se jsibha impossibbli biex jivvota Labour f’Ġunju li ġej.