Atletika Sport

Żewġ żgħażagħ Maltin b’rekords ġodda wara prestazzjoni mill-aqwa fil-Balkani

Iż-żewġ parteċipanti Maltin fil-Kampjonati tal-Atletika Indoor tal-Balkani riservati għal atleti taħt l-20 sena kellhom prestazzjoni mill-aqwa f’tellieqa ta’ 800m f’Belgrad fejn stabbilixxew rekords nazzjonali ġodda.

Isaac Bonnici (Rush AC) kiseb ħin ta’ 1:56.89 f’din it-tellieqa, li fisser rekord nazzjonali fil-kategoriji Under 20 u Under 23. Min-naħa l-oħra, Michael DeBattista (Pembroke Athleta) ikkonkluda t-tellieqa wkoll taħt iż-żewġ minuti, preċiżament f’1:59.46, rekord nazzjonali ta’ taħt it-18-il sena. Iż-żewġ atleti temmew it-tellieqa fis-sitt u l-għaxar post rispettivament, qalb kompetituri kwotati mill-Balkani u l-Ewropa tal-Lvant.

Iż-żewġ atleti kienu akkumpnjati minn kowċ Rachid Chouhal.

Intant lura fil-Marsa, Athletics Malta organizzat it-tieni pre-season meeting, fejn reġa’ kellna numru ta’ riżultati tajbin. Fuq quddiem, rekord nazzjonali ieħor għal Nicolai Bonello fil-pole vault, li żied 11-il ċm fuq ir-rekord preċedenti, bi tliet qabżiet konsekuttivi fejn tejjeb dan il-primat tiegħu, li issa jlaħħaq l-4.61m.

Iż-żagħżugħa Mireya Bugeja kisbet rekord għall-kategorija Under 18 fis-600m, bl-atleta ta’  Żurrieq Wolves tikseb ħin ta’ 1:38.26 li ppermetilha wkoll li tirbaħ din it-tellieqa. Riżultat inkoraġġanti wkoll għal Lyon Falzon bl-atleta ta’ Pembroke jegwalja r-rekord ta’ taħt it-18-il sena b’ħin ta’ 7.26s fis-60m.