Edukazzjoni Lokali

Appell biex il-każ ikun konkluż u toħroġ il-verità – PN

Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għal rapport li deher fil-media lokali t-Tnejn dwar iċ-Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel, parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca, li jilqa’ fih studenti ta’ bejn il-11 u s-16-il sena b’diffikulatjiet severi fit-tagħlim u li qed iqajjem numru ta’ mistoqsijiet dwar l-operat tiegħu.

Kien il-Partit Nazzjonalista stess li qajjem il-każ tal-allegat abbuż fiżiku fuq xi studenti li jattendu fl-iskola minn xi għalliema jew edukaturi u li sal-lum, skont il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Pulizija, dwaru għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet meħtieġa.

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jifhem is-sensittività tal-każ u japprezza li tali allegazzjonijiet tressqu quddiem il-Pulizija, jappella biex dan il-każ ikun konkluż u toħroġ il-verità għall-ġid tal-Iskola, tal-edukaturi u tal-istudenti involuti fil-każ imsemmi. Sfortunatament, allegazzjonijiet bħal dawn qed itappnu l-ħidma li qed issir f’dan iċ-Ċentru tar-Riżorsi.

Il-Partit Nazzjonalista jirreferi għal dak li qal f’intervista mal-gazzetta The Malta Independent il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Oliver Scicluna, fejn stqarr li hemm diversi punti li fuqhom il-Gvern jista’ jaħdem biex itejjeb il-kwalità ta’ persuni b’diżabbiltà b’mod ġenerali. Jinnota wkoll li waqt li l-Kummissarju għall-Persuni b’Diżabbiltà Rhoda Garland qed tafferma li fiċ-Ċentru hemm nuqqas ta’ riżorsi umani u ta’ servizzi speċifiċi għall-bżonnijiet individwali, il-Ministeru tal-Edukazzjoni qed ixejjen dawn l-affermazzjonijiet.

Huma inkwetanti wkoll l-allegazzjonijiet li xi tfal jinsabu sospiżi jew mhux jattendu għax l-ambjent olistiku mhux qed jilqagħhom fih. Għalhekk, hu imperattiv li l-Ministeru tal-Edukazzjoni jassigura li ċ-Ċentru jkun adattat għall-bżonnijiet tat-tfal kollha, għandu biżżejjed riżorsi umani u qed joffri s-servizzi kollha possibbli biex l-esperjenza edukattiva tkun waħda sana u li tgħin fil-progress individwali tat-tfal.

Filwaqt li jirringrazzja lill-amministrazzjoni, lill-għalliema, lil-LSEs u lill-professjonisti kollha li qed jagħtu s-servizz tagħhom fiċ-Ċentru, u jafferma l-pożiżżjoni tiegħu favur it-titjib fil-kundizzjonijiet tagħhom b’kull mod, il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Gvern m’għandu jinjora l-ebda talba għall-għajnuna, kemm jekk ġejja mill-iskola, kemm jekk mill-union u kemm jekk mill-ġenituri.

Għaldaqstant, għandu jkun hemm kollaborazzjoni usa’ mas-servizz ‘Hand in Hand’ u servizzi oħrajn, aktar investiment f’sessjonijiet terapewtiċi u investiment bla preċedent fir-riżorsi tal-iskola u fl-għalliema, fl-edukaturi u fil-professjonisti li qed jagħtu s-servizz tagħhom fiċ-Ċentru.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ disponibbli għall-Gvern biex iressaq l-ideat tiegħu għal dan il-qasam, li għandu jkun mogħti l-attenzjoni meħtieġa biex l-edukazzjoni tasal għand kulħadd għax dan hu dritt li m’għandu qatt ikun imminat.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ Justin Schembru u mix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea.