Lokali

RITRATTI: Il-festi tal-Karnival fil-Ħamrun

Kuluri, briju, baned idoqqu, u ħafna aktar kien l-isfond tal-karnival fil-Ħamrun, fejn permezz tiegħu infetaħ is-siparju fuq il-Karnival 2024.

F’temp mill-isbaħ, sa minn kmieni filgħodu l-Ħamrun beda jimtela b’kuluri tassew vivaċi b’karattri ħerġin minn kull rokna ta’ Triq il-Kbira San Ġużepp. Il-baned tal-lokal armati sa sninhom bil-bandisti bil-kostumi, u is-sezzjonijiet taż-żagħżagħ u tat-tfal lesti biex jiżfnu mal-karru tagħhom. L-iscouts bil-parata tradizzjonali tagħhom, il-Gugen Band, il-banda Brażiljana, flimkien ma’ diversi maskeruni u l-karrijiet ta’ sezzjoni D, taw xeħta tassew ikkulurita lil din it-triq prinċipali.

Il-karnival fil-Ħamrun qed jikkumplimenta is-suċċess kbir li qed jagħmel sena wara l-oħra l-Festival taċ-Ċikkulata, fejn huma diversi l-individwi li ta’ kull sena qed jattendu u joħonqu t-toroq tal-Ħamrun, flimkien ma’ ammont sabiħ ta’ turisti.

B’ħarstu l-quddiem il-Kunsill Lokali Ħamrun, qed jaħdem biex ikompli jkabbar il-karnival fil-Ħamrun billi jidħol fil-kalendarju tal-Maltin u l-Għawdxin.