“Hemm bżonn ta’ direzzjoni ċara u iktar dixxiplina sabiex pajjiżna jerġa’ jiġi lura fuq saqajh wara d-daqqa ta’ ħarta li ħadna meta spiċċajna fuq il-lista l-griża.”
Dan intqal mill-Malta Union of Bank Employees f’laqgħa li kellha mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech fid-Dar Ċentrali.
Il-Union tal-Bankiera qalet li hemm bżonn li ssir ħidma kemm għall-preżent u anke għall-futur sabiex nassiguraw li pajjiżna ma jerġax jispiċċa jgħaddi mill-effetti li għadna għaddejjin minnhom minħabba r-reputazzjoni ħażina u każi ta’ ħasil ta’ flus.
Il-membri tal-Union qalu li sfortunatament, wara snin ingawdu minn reputazzjoni nadifa, illum il-ġurnata ma nistgħux ikollna garanzija li se nilħqu l-istess livell li konna fih qabel; xi ħaġa li qed tagħmilha ferm diffiċli għall-banek Maltin.
Quddiem dan kollu, il-Union appellat biex minnufih tingħata direzzjoni ċara għall-pajjiżna sabiex nassiguraw l-għola livell ta’ settur bankarju. Dan jista’ jseħħ biss permezz ta’ deċiżjonijiet u infurzar aħjar li jsiru f’waqthom.
Minn naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kkonferma li fit-tmexxija Laburista mhix tidher id-dixxiplina tant meħtieġa, b’politika li qed tinjora l-vera ħtiġijiet tal-pajjiż. Kien hawnhekk fejn fakkar li l-banek Maltin jeħtiġilhom li f’pajjiżna jkun hawn mudell ekonomiku sostenibbli …u li jkollna fost l-oħrajn viżjoni ta’ aktar kwalità milli kwantita.
L-MUBE spjegat kif l-impjegati fis-settur bankarju ma jistgħux jistennew iktar għal tibdil fil-mudell ekonomiku għax kif inhi is-sitwazzjoni preżenti qed tkompli titfagħhom lura.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm fost l-oħrajn is-Shadow Ministers Jerome Caruana Cilia, Graham Bencini, u Ivan Castillo, u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Peter Agius.