Lokali

“Eddie Fenech Adami ħadem sabiex l-opportunitajiet ikunu possibbli għal kulħadd” – Bernard Grech

Ritratt: Matthew Tabone

“Eddie Fenech Adami ħadem sabiex l-opportunitajiet ikunu possibbli għal kulħadd bil-għan li kulħadd jirnexxi fil-ħajja.”

Dan sostnieh il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien intervistat minn Roberta Bonello fil-programm speċjali ddedikat għal Eddie Fenech Adami. Matul din l-intervista l-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar id-diversi kisbiet ta’ Fenech Adami partikolarment rigward l-edukazzjoni, is-saħħa, l-avvanz fit-teknoloġija kif ukoll l-istituzzjonijiet.

Ritratt: Matthew Tabone

Bernard Grech esprima li hu kien parti mill-ġenerazzjoni fejn Eddie Fenech Adami fetaħ l-orizzonti kollha u għalhekk kull min ried seta’ jattendi l-Università. Huwa qal li meta kien jisma lil Eddie Fenech Adami jitkellem kien jimtela b’kuraġġ u tama li hu u l-ġenerazzjoni tiegħu jistgħu jaslu fejn jixtiequ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta fejn tista’ tkompli tavvanza u bil-ħidma ta’ Eddie Fenech Adami u dawk ta madwaru dan is-settur kompla jikber tant li illum il-ġurnata f’kull familja Maltija u Għawdxija hemm persuna li ggradwat mill-Università. Dan apparti li fakkar li kien il-Partit Nazzjonalista li fetaħ l-MCAST.

Fuq is-settur tas-saħħa f’pajjiżna Bernard Grech qal li kien Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami li tana l-isptar Mater Dei iżda l-Gvern immexxi minn Robert Abela ma baqax jinvesti fl-isptar anzi ta €400 miljun lill-Vitals u Steward. U għalhekk fl-aħħar ħdax -il sena ma nbeniex sptar ġdid u l-isptar San Luqa spiċċa fi stat diżastruż.

Bernard Grech qal li kien propju Eddie Fenech Adami li tejjeb it-telekomunikazzjoni f’pajjiżna kif ukoll kien hu li introduċa l-internet fejn bis-saħħa t’hekk inħolqu pilastri ekonomiċi ġodda f’pajjiżna. Huwa saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jsaħħaħ il-pilastri ekonomiċi ta’ pajjiżna u jżid magħhom bil-għan li pajjiżna jkompli miexi ‘il quddiem.