Artiklu ppublikat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fuq il-ġurnal In-Nazzjon.
“Lest. Lest għal ħaġa waħda biss, li naqdi lill-poplu Malti mill-aħjar li naf, kif naf, bl-enerġija tiegħi kollha.”
Kull darba li naqra din is-silta, nerġa’ nismagħha tidwi mill-ġdid daqslikieku qed nismagħha nhar l-4 ta’ Diċembru 1983 fuq il-Fosos tal-Furjana meta kont għadni tifel ta’ 12-il sena. Meta tkun tifel fil-folla waqt mass meeting, ġimgħa wara ġimgħa, kont tisma’ leħen Eddie mingħajr ma tista’ tara lilu jitkellem. Leħen Eddie kien għalina leħen persuna li qed isejħilha biex nagħmlu dmirna. Biex nagħmlu l-parti tagħna.
Kliem Eddie Fenech Adami għadu jgħodd sal-lum. Għadna ngawdu mill-politika ta’ dan l-istatista li ta bil-bosta lil dan il-poplu. Iż-żminijiet għaddew, madankollu l-għajta ta’ poplu għall-ħaqq, għall-ġustizzja, għas-sewwa… għadha tidwi.
Il-perseveranza ta’ Eddie li jservi, li jagħti dak kollu li jista’ lil dan in-nazzjon, hija waħda li x-xhieda tagħha hi l-ħidma li twettqet kemm fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u kemm fi ħdan għadd ta’ gvernijiet Nazzjonalisti.
Il-perseveranza li anki meta fil-15 ta’ Ottubru 1979 daħlu jkissru daru u heddew lil familtu, baqgħet tinħass, baqgħet fil-beraħ. Eddie baqa’ sod. Baqa’ sod għall-familja tiegħu. Baqa’ sod u determinat għax il-poplu kien miegħu.
Il-mixja ta’ poplu, magħqud, ma’ Eddie, il-mexxej, ġabet lill-poplu Malti u Għawdxi l-libertà tal-espressjoni. Welldet fil-poplu tama ġdida.
Eddie bħala Prim Ministru kien ifisser ħolqien ta’ setturi ekonomiċi ġodda. Opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Eddie Fenech Adami fetaħ bieb beraħ mimli opportunitajiet għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Lili, bħalma għamel għal eluf oħrajn, fetaħli l-bieb għall-Università.
It-twemmin fl-edukazzjoni għen fit-tisħiħ tal-poplu, għax huwa l-mezz kif tmexxi poplu ’l quddiem u tiftaħlu orizzonti dejjiema.
Eddie hu l-arkitett ta’ Malta moderna u kompetittiva, u dan għarfu fost oħrajn billi Gvern Nazzjonalista mmexxi minnu introduċa niċeċ ekonomiċi ġodda kif ukoll nieda l-plulariżmu fix-xandir. Ġab pajjiż tassew demokratiku. Pajjiż modern u rispettat kif jixraq lil dan il-poplu.
Eddie bħala Prim Ministru fisser serenità fit-tmexxija. Tmexxija serja. Serjetà li l-poplu fis-snin kien tant għatxan għaliha, u llum ukoll jinsab għatxan għal din is-serjetà. Fis-snin tmenin, mhux biss rajna u għexna vjolenza fit-toroq, vjolenza fuq in-nies, rajna u għexna wkoll nuqqas kbir ta’ integrità, istituzzjonijiet maħtufa u governanza li kienet taħdem biss fuq il-korruzzjoni.
Illum qed naraw sfidi simili, kważi l-istess. L-istess bħal dak iż-żmien, il-Partit Nazzjonalista jfisser il-bidla li hija tant meħtieġa, u li hi tant mistħoqqa lill-poplu Malti u Għawdxi.
Eddie jibqa’ magħruf bħala politiku integru. Eddie ta definizzjoni lill-integrità fit-tmexxija tal-pajjiż. Eddie kien dak il-mexxej li ssokta b’ħidma politika li ma tħares lejn wiċċ ħadd għajr biss lejn politika fejjieda b’risq il-ġid komuni.
Eddie bħala Prim Ministru fisser Malta fl-Unjoni Ewropea. Isem Malta mal-kbar.
Minn ħolma għal viżjoni u minn viżjoni għal realtà. Realtà li llum ħadd m’għandu dubju li kienet żvilupp kruċjali għal Malta tagħna. Bil-politika tal-Partit Nazzjonalista, pajjiżna għadu jgawdi u se jibqa’ jgawdi minn dik il-viżjoni. Il-ħolqien tax-xogħol, taħriġ, opportunitajiet għaż-żgħażagħ u studenti u l-proġetti kbar f’pajjiżna saru bis-saħħa ta’ dik il-viżjoni.
Eddie Fenech Adami ddedika ħajtu biex ikun ta’ servizz lejn pajjiżna u l-poplu tagħna. Il-Malta moderna u Ewropea li għandna llum hi mertu tal-viżjoni li kellu hu. Dejjem poġġa lil pajjiżu l-ewwel, u għamel lill-Partit Nazzjonalista tarka għall-poplu Malti u Għawdxi. Il-Partit Nazzjonalista għadu t-tarka tal-poplu kollu.
Eddie Fenech Adami – il-politiku li ġibed folol kbar warajh u saħħar eluf ta’ nies. Il-bniedem li qatt ma tkabbar u dejjem baqa’ umli. Politiku li kien iwieġeb għall-vjolenza bid-djalogu. U hekk ħareġ rebbieħ.
Il-Partit Nazzjonalista u pajjiżna huma grati għal dak li għamel Eddie Fenech Adami. Midjunin lejh. F’għeluq sninu, nawguralu.
F’għeluq sninek Eddie, Malta ssellimlek, u tgħidlek grazzi.
//= $special ?>