Internazzjonali

Gaza: Mhux mistenni li Iżrael jaċċetta l-kundizzjonijiet tal-Ħamas għall-paċi

Il-grupp terroristiku tal-Ħamas, fl-aħħar sigħat, ressaq lista ta’ talbiet lil Iżrael li min-naħa tiegħu kien qed jikkunsidra l-kundizzjonijiet għal waqfien mill-ġlied f’Gaza wara ġimgħat konsekuttivi ta’ battalji bla heda.

Talba prinċipali tal-Ħamas kienet tinvolvi skambju (ieħor) ta’ ostaġġi li ilhom minn Ottubru f’idejn it-terroristi mal-priġunieri Palestinjani miżmuma minn Iżrael. Fl-istess ħin, il-Ħamas qed jinsistu biex il-Medda ta’ Gaza tinbena mill-ġdid wara li ilha x-xhur suġġetta għall-bumbardamenti kontinwi mill-qawwiet ta’ Iżrael.

Il-grupp Ħamas anki qed jitlob għall-irtirar sħiħ tal-militar Iżraeljan minn Gaza u biex il-gwerra attwali tintemm wara tlett fażijiet għall-waqfien mill-ġlied — b’kull waħda mill-fażijiet proposti tkun valida għal 45 jum.

Iżda waqt li Iżrael u l-Istati Uniti qed jevalwaw l-offerta tal-Ħamas, mhux mistenni li l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, se jaqbel mal-kundizzjonijiet imressqa mill-grupp terroristiku. Fil-fatt, mistenni li Iżrael għandu jirrifjuta kompletament id-domanda tal-Ħamas biex ‘joħroġ l-aħħar suldat Iżraeljan mill-artijiet ta’ Gaza’. 

Fil-fatt, Netanyahu, fl-aħħar sigħat, kien għadu qed jinsisti għal ‘rebħa militari totali f’Gaza’ — u wieħed irid jara jekk in-naħat avversarji, fil-jiem li ġejjin, jaslux għal xi forom ta’ kompromess li jixpruna l-proċess lejn il-paċi.

L-isforzi diplomatiċi qegħdin isiru wkoll bil-medjazzjoni tal-Qatar u l-Eġittu  — bil-pjan tal-Ħamas jirreferi anki għal żieda fl-għajnuna umanitarja lir-residenti ta’ Gaza.

Il-Ħamas, f’dan il-każ, qed jittama li – ladarba tikkonkludi l-pawża ‘kollettiva’ fil-ġlied tul il-135 ġurnata suġġeriti — il-gwerra f’Gaza tilħaq tintemm b’mod permanenti.

Madankollu, il-proposti tal-Ħamas ma tantx jidhru li impressjonaw lill-President tal-Istati Uniti Joe Biden, waqt li s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, għamilha ċara li fadal ħafna xi jsir għal waqfien mill-ġlied permanenti f’Gaza.