Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Iċ-ċivili mill-ġdid fil-mira tal-Kremlin

A stuffed toy sits in the remains of a playground in the heavily damaged Saltivka suburb of Kherson, Ukraine, on Sept. 22. Vincent Haiges photos for Foreign Policy

Il-gwerra fl-Ukrajna se tagħlaq sentejn dan ix-xahar u meta l-qawwiet tar-Russja għadhom sallum iwettqu l-attakki bil-missili u d-drones fuq iz-zoni ffullati biċ-ċivili Ukreni. Fil-fatt, sensiela oħra ta’ attakki, fl-aħħar sigħat, swew il-ħajja ta’ ħames Ukreni oħra, b’għaxieren jisfaw midruba.

Fost l-aħħar vittmi kien hemm familja ta’ erba’ – residenti f’distrett ta’ Kiev u li kienu fi blokk ta’ appartamenti li ntlaqat direttament minn drone tar-Russi.

Intant, inqatlu wkoll xi nies fil-belt ta’ Mykolaiv, lejn in-nofsinar tal-Ukrajna, u li wkoll spiċċat mira għall-magna tal-gwerra tal-Kremlin.

Sadanittant, l-awtoritajiet madwar l-Ukrajna komplew joħorġu bl-allerts għar-rejds mill-qawwiet tal-ajru tar-Russja — bid-direttivi jibqgħu validi anki għall-inħawi ta’ Lviv, fil-Punent Imbiegħed u viċin il-fruntiera tal-Polonja.

Il-Kap Kmandant tal-militar Ukren, Valerii Zaluzhnyi, qal li r-Russja, fl-aħħar sigħat, sparat ‘il fuq minn 70 missili u drones lejn l-ibliet partikulari u li ħafna minnhom kienu interċettati mis-sistemi tad-difiża tal-Ukrajna. Dan meta numru ta’ missili cruise kienu wkoll sparati lejn ir-reġjuni Ukreni ta’ Lviv, Ternopil u  Ivano-Frankivsk.

Min-naħa tiegħu, il-President Ukren Volodymyr Zelensky ikkundanna mill-ġdid l-attakki tar-Russja fuq iċ-ċivili ta’ pajjiżu – u fost rapporti li l-aħħar attakki fuq Kiev ikkaġunaw il-ħsarat lill-faċilitajiet tad-dawl f’diversi zoni tal-kapitali.

L-aħħar attakki tar-Russi fuq l-inħawi ta’ Mykolaiv, sadanittant, ikkonċentraw fuq id-djar tar-residenti li ġarrbu l-ħsarat u fejn anki ħolqu l-problemi għad-distribuzzjoni tal-ilma u  l-gass liċ-ċittadini lokali.