Lokali

Il-Jum Ewropew dedikat għan-numru 112

Hekk kif il-jum Ewropew iddedikat għan-numru wieħed wieħed tnejn jinsab ftit jiem biss il-bogħod, diversi uffiċjali tal-Pulizija, tal-armata, il-Protezzjoni Ċivili kif ukoll mill-Emerġenza organizzaw sensiela ta’ attivitajiet fejn wasslu informazzjoni lill-istudenti tal-iskola Primarja tal-Gudja.

Dawn l-attivitajiet saru bil-għan li t-tfal, sa minn età żgħira jkunu jafu x’għandhom jagħmlu f’każ ta’ emerġenza.

Il-112 jista’ jintuża meta persuna jkollha bżonn l-assistenza tal-Pulizija, servizzi mediċi, tal-protezzjoni ċivili jew l-armata. Fost dawk li jagħtu s-servizz tagħhom hemm it-timijiet mediċi u l-ambulanzi, il-Pulizija tad-diversi taqsimiet inkluż dawk tar-Rapid Intervention, kif ukoll ħaddiema tas-CPD.

Diversi ufficjali preżenti saħqu illi huwa essenzjali li dawn it-tfal ikunu mħajjra li meta jikbru jagħżlu karriera fil-korpi dixxiplinari; karriera li żgur hija waħda ta’ sodisfazzjon speċjalment meta ssalva ħajja.

Net News tkellem ma’ uħud mit-tfal li kienu preżenti u li esprimew l-importanza li wieħed ikun jaf x’għandu jagħmel f’każ ta’ emerġenza.

Il-Jum Ewropew b’rabta man-numru wieħed wieħed tnejn jiġi mfakkar fil-11 ta’ Frar ….bis-servizzi tal-emeġenza jappellaw biex dan in-numru jintuża b’mod għaqli ħalli min verament jiġi bżonn, isib l-għajnuna aktar malajr.

Ritratt: Matthew Tabone
Ritratt: Matthew Tabone