Joe Giglio, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio sostna fl-Aġġornament tal-parlament li l-pajjiż jeħtieġ direzzjoni ekonomika bbażata fuq il-kwalità.
Joe Giglio qal li l-poplu qed iħoss li qed jgħid f’pajjiż fgat għaliex il-gvern nieda pjan ekonomiku mibni fuq il-kwantità flok fuq il-kwalità. Fl-aħħar snin kien hawn splużjoni fil-popolazzjoni fejn l-ekonomija hi mibnija fuq l-importazzjoni tal-barranin.
Id-deputat Nazzjonalista qal li din kienet ekonomija bla pjan u bla viżjoni dwar l-impatt li se jkollha fuq il-pajjiż. Hu antiċipat, skont il-gvern stess, li sa l-2040, il-popolazzjoni tkun waslet viċin it-800,000 persuna.
Joe Giglio qal li hawn setturi li jiddependu fuq l-importazzjoni tal-ħaddiema u llum dawn ma jistgħux jaħdmu mingħajr l-importazzjoni tal-ħaddiema barranin.
Din il-ħtieġa ta’ ħaddiema barranin se tibqa’ f’dawn is-setturi iżda ma jistax ikun li l-ekonomija tal-pajjiż tkun mibinija biss fuq l-importazzjoni taċ-cheap labour. Għalhekk jeħtieġ li jiddaħħal il-kunċett ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda li xorta jġibu tkabbir ekonomiku mingħajr il-bżonn ta’ importazzjoni ta’ daqshekk ħaddiema barranin.
Il-PN diġà ippropona diversi niċeċ ekonomiċi ġodda biex kulħadd ikompli jgawdi minn tkabbir ekonomiċi mingħajr id-diffikultajiet.
Hu tkellem dwar il-konsegwenzi tal-viżjoni bla pjan tal-ekonomija bbażata fuq il-kwantità fuq l-infrastruttura u qal li dan qed jinħass fit-toroq, fit-traffiku, fl-iffullar u fl-akkomodazzjoni degradenti. Dan ġab diffikultajiet fuq l-isptarijiet u fl-iskejjel, sostna d-deputat Nazzjonalista, li appella biex id-direzzjoni ekonomika tieħdu direzzjoni differenti u ma tibqa’ ibbażata fuq l-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin.