Internazzjonali

Il-Pakistan: Massakri qabel l-elezzjonijiet fil-provinċja ta’ Balochistan

P

Mietu ‘il fuq minn 25 persuna f’żewġ splużjonijiet ta’ bombi fil-provinċja ta’ Balochistan…Massakri li seħħew proprju f’lejliet l-elezzjonijiet ġenerali f’din il-provinċja – b’waħda mill-bombi teqred lil talanqas 14-il persuna li kienu quddiem l-uffiċċju ta’ kandidat indipendenti fid-distrett ta’ Pishin.

It-tieni splużjoni qatlet ħdax oħra fid-distrett ta’ Qillah Saif Ullah, xi 150 kilometru ‘il bogħod mis-sit tal-ewwel splużjoni – u biż-żewġ bombi anki jikkaġunaw numru sinifikanti ta’ midruba. L-ebda grupp ma assuma responsabbiltà għall-attakki, bil-filmati li nġibdu wara l-isplużjonijiet juru ‘widien ta’ qerda’,  fosthom diversi karozzi u muturi li nqerdu għal kollox.

Mifhum, intant, li t-tieni splużjoni saret qalb bazaar u meta fil-mira kien hemm l-uffiċċju elettorali tal-partit JUI-F. Dan meta qabel il-vot tallum seħħew ukoll inċidenti vjolenti simili f’Balochistan kif ukoll fil-provinċja ta’ Khyber Pakhtunkhwa.

Sadanittant, il-Gvern ta’ Balochistan insista li l-vot ta’ għada kien se jsir skont il-pjan oriġinali u fost stqarrija li (il-Gvern) mhux se jippermetti li t-terroristi jħassru dawn il-proċessi demokratiku kruċjali.