Lokali Qorti

Jammetti li ta daqqa ta’ flixkun f’wiċċ sieħbu wara li spiċċaw fis-sakra

Raġel ta’ 33 sena mill-Eritrea ammetta li fil-lejl ta’ bejn it-12 u t-13 ta’ Jannar li għadda mingħajr il-ħsieb li joqtol Omar Abdella Salih kkaġunalu feriti gravi wara li tah daqqa ta’ flixkun tal-birra f’wiċċu. Awet Estifanos Weldetinsae ammetta li wettaq dan ir-reat fi Triq l-Imsida, l-Gżira.

Minn informazzjoni li għandu NET News jidher li l-akkużat u l-vittma huma ħbieb u wara li għamlu ħin konsiderevoli jixorbu fl-akkwati ta’ fejn seħħ l-inċident qam argument li spiċċa bl-aggressjoni. Awet qal lill-Qorti li huwa jgħix fix-shelter Papa Franġisku, f’Birkirkara.

Wara li l-Maġistrat Abigail Critien talbitu jerġa’ jaħsibha dwar l-ammissjoni tiegħu, l-akkużat reġa’ kkonferma li huwa ħati tar-reat. Huwa kkonferma wkoll l-akkuża li sar reċidiv. Saret talba għall-pleġġ li ma kinitx kontestata mill-prosekuzzjoni u dan sakemm tingħata s-sentenza.

Il-Qorti laqgħet it-talba bil-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest huma li jibqa’ Malta, fejnminn naħa tiegħu qall li m’għandux la passaport u lanqas karta tal-identita validà u li ma jkellimx ix-xhieda tal-prosekuzzjoni. Il-Qorti laqgħet ukoll talba għall-ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma.

Huwa ġie ordnat li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara kull nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa, bejn it-8am u l-5pm u li jkun ġewwa bejn it- 8.30pm u s–7.30am. Huwa tpoġġa wkoll taħt garanzija personali ta’ 2,000 ewro. Is-sentenza mistennija tingħata fit 13 ta’ March fil-11.30am.

L-Avukat tal-Għajnuna Legali Ingrid Zammit Young dehret għall-ħati. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettrur Michael Vella u mill-Avukat Nathaniel Falzon, mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali