Rebekah Borg, PN
Jeħtieġ li l-pajjiż jibda jitkellem fuq azzjoni fuq it-tibdil fil-klima biex ikun hemm azzjonijet konkreti li ċ-ċittadini jagħrfu li t-tibdil fil-klima jagħmel differenza fil-ħajja ta-nies.
Dan sostnietu d-Deputat Nazzjonalista u Shadow Ministeru tal-Ambjent Rebekah Borg meta kienet qed titkellem fil-parlament.
Rebekah Borg qalet li t-tibdil fil-klima hi theddida għal kulħadd u sostniet li l-Awtorità għat-Tibdil fil-Klima għandha tkun awtorità li timpatta l-ħajja tan-nies.
L-ewwel li ma jrid isir xi kampanja edukattiva biex il-poplu jkun konxju li din teffettwa l-ħajja ta’ kulħadd. Wara dan, jeħtieġ li l-messaġġ ikun wieħed ta’ benefiċċju għall-poplu anki b’mod kollettiv. Il-poplu jibża’ minn dawn l-azzjonijiet għaliex jorbothom ma’ taxxi u piżijiet.
Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-enerġija rinovabbli hi ta’ benefiċċji għall-poplu, għall-ambjent u għall-komunità. Fis-settur tal-bini hemm ħafna sistema li jistgħu jagħmlu differenza kbira fis-settur.
Rebekah Borg sostniet li hemm ħafna prodotti li huma tajbin u li mhumiex ikkomplikati iżda li jagħmlu differenza kbira. Il-gvern għandu jkun impenjat li jattira dawn it-tip ta’ negozji lejn Malta. Il-politika ta’ inċentivar hi l-aħjar triq ‘il quddiem, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li dawn għandhom ikunu r-rwoli tal-Awtorità.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-gvern ftit għamel biex l-ambjent ikun ta’ prijorità u dan wassal biex ċertu industriji ma ġewx Malta. Kien il-PN li ppopona diskussjoni dwar dan is-suġġett iżda l-gvern għażel li jmur għal dibattitu partiġġjan. Il-PN ippropona wkoll liġi dwar id-dritt fundamentali għall-ambjent sostenibbli iżda anki hawn il-gvern m’għamel xejn dwarha. L-Awtorità għat-Tibdil fil-Klima kienet inkluża wkoll fil-programm elettorali tal-PN.
Rebekah Borg appellat biex din l-Awtorità tkun waħda effettiva u mhux waħda kosmetika. Hi qalet li l-parlament għandu jagħmel skrutinju u diskussjoni fuq l-operat tal-Awtorità. Il-membri tal-bord tal-Awtorità se jkunu nominati kollha mill-gvern u għalhekk ma jidhrix li din se tkun awtonoma. Jeħtieġ li jkunu stabbiliti l-kwalifiċi tas-sitt membri tal-bord tal-Awtrorità u mhux ta’ erba’ biss.