Lokali Parlament

Jekk mhux se jkun hemm tibdil, il-bidla fil-klima se tbiddel il-pajjiż


Stanley Zammit, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Stanley Zammit qal li jeżisti qbil li jekk mhux se jkun hemm tibdil, il-bidla fil-klima se tbiddel lill-pajjiż. It-tibdil fil-klima hi l-akbar sfida ta’ bħalissa u tal-ġenerazzjonijiet futuri fejn kull pajjiż għandu dmir li jagħmel il-parti tiegħu.


Il-PN fehem l-importanza li jkun hemm rispons urġenti u għahekk qed jinsisti li Malta tkun mudell fil-ġlieda dwar it-tibdil fil-klima. Il-pajjiż ilu jitkellem mill-2008 dwar it-twaqqif ta’ Awtorità dwar it-Tibdil fil-Klima iżda l-unit li kien twaqqaf iżda dan iddiżintegra tul is-snin.


Id-deputat Nazzjonalista qal li ma jistax ikun hemm seperazzjoni bejn l-ambjent u l-ippjanar u kompla li l-Awtorità għandha tkun responsabbli għall-proċess sħiħ għat-titjib tal-klima fosthom is-sorveljar tal-politika. Dan hu proċess kontinwu b’numru ta’ miri stabbiliti li jkunu riveduti.


Stanley Zammit sostna li l-awtoritajiet m’għandhomx ikunu konsulenti jew opinjonisti bħal ma’ hi l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi; l-istess kif inhi s-Sovratindenza tal-Wirt Kulturali li jkollha r-rapport tagħha injorati.


Id-deputat Nazzjonalista tkellem l-importanza tal-istandards fis-settur tal-kostruzzjoni u staqsa min se jiddeċiedi finalment. Hu qal li t-tibdil fil-klima jsir b’mod kontinwu iżda b’rata li ma tidhirx u dan ikun innotat biss meta jsiru d-diżastri.


Stanley Zammit kompla li jeħtieġ sistema ħolistika b’qafas leġiżlattiv li jiffunzjona u hu sostenibbli. Il-PN kien ippropona li jiddaħħlu iktar miżuri dwar l-ESG biex ikunu inċentivati attivitjiet ekonomiċi sostenibbli.
Hu semma’ l-edukazzjoni u qal li fis-sistema edukattiva, it-tfal ikunu involuti fil-proċess ta’ tibdil fil-klima. L-Awtorità għandha tkun xempju ta’ kif ikunu analizzati r-riżultati u għandha tkun dixxiplinata biex ir-rapporti ma jdumux ma joħorġu.


Id-deputat Nazzjonalista qal l-Awtorità m’għandhiex tgħaddi mill-istess diffikultajiet li qed jgħaddi minnhom l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fil-kuntest tal-informazzjoni. Hu qal li l-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima flimkien mal-iżvilupp sostenibbli jeħtieġu bidla fil-kultura biex kulħadd jiġbed ħabel wieħed fl-istess direzzjoni.