Basketball Sport

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa: Caffè Moak Luxol lura fit-tieni post

Colin Schembri

Caffè Moak Luxol……67

Depiro……………………..56

(18-14)(18-13)(13-16)(18-13)

Caffè Moak Luxol kisbu rebħa mportanti kontra Depiro li rathom jerġgħu lura fit-tieni post. Din it-telfa waslet wara erba’ rebħiet konsekuttivi għal Depiro li bdew propju kontra l-istess Luxol fit-tieni round. Luxol inkludew mill-ġdid lil Mandi Mercieca għal din il-partita. Luxol fetħu l-partita bi trippla minn Nolene Vella però Depiro wkoll kellhom risposta bit-three pointers ta’ Nicole Agius u Julia Xerri biex marru 9-8 minn fuq. Għal Luxol kien hemm il-punti minn Vella u Josephine Diaby però Depiro wieġbu permezz ta’ Jose Ann Johnson u Sophie Abela. L-aħħar punti tas-sessjoni waslu minn Sarah Fenech Pace u Tayler Bennett għal skor ta’ 18-14. It-tieni taqsima fetħet bi break ta’ 9-2 minn Luxol fosthom trippla ta’ Lisa Fenech Pace u fetħu vantaġġ ta’ 11 -il punt 27-16. Depiro kellhom trippla oħra minn Agius qabel ma Luxol kellhom break qasir ta’ 7-2 b’aktar punti minn Diaby, Vella u Sarah Sciberras. Depiro għalqu s-sessjoni b’erba’ freethrows biex il-vantaġġ ta’ Luxol niżel għal 9 punti 36-27.

Wara l-intervall, Depiro tħabtu biex inaqqsu d-distakk hekk kif kellhom it-trippli minn Kristy Galea fost l-oħrajn flimkien ma’ Johnson u Agius. Luxol kellhom il-punti minn Diaby flimkien ma’ Bennett u L. Fenech Pace biex żammew vantaġġ ta’ sitt punti 49-43. Fl-aħħar taqsima, Depiro fetħu bi trippla oħra ta’ Agius u basket ta’ Abela wassalhom sa’ basket ‘l bogħod mill-avversarji 49-51. Luxol irkupraw bi trippla ta’ Vella u baskets minn Anna Fenech Pace u aktar ‘quddiem trippla minn Lisa Fenech Pace u reġgħu ħadu vantaġġ ta’ 9 punti. L-aħħar punti minn Depiro ġew minn Agius però kienu Luxol li għamlu l-aħħar punti tal-partita biex ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 67-56.

Caffè Moak Luxol: T. Bennett 12, M. Mercieca 2, L. Fenech Pace 14, N. Vella 15, E. Abela, S. Fenech Pace 5, J. Diaby 14, J. Said, V. Baldacchino, S. Sciberras 1, S. Farrugia, A. Fenech Pace 4.

Depiro: S. Abela 6, Ni. Agius 18, J. Xerri 3, J. Mallia, L. Sciberras, No. Agius, C. Ciantar, J. Borg 4, J. Johnson 10, M. Micallef, N. Borg, K. Galea 15.

Referees: Bernard Vassallo, Nicky Azzopardi

Starlites JSD…………97

Fusion Quest……….20

(20-3)(20-6)(27-4)(30-7)

Starlites JSD irritornaw għar-rebħ meta għelbu mingħajr diffikulta lil Fusion Quest 97-20. Starlites li rkupraw lura lil Paige Cannon, kellhom nieqsa lil Maria Bonett però l-coach Fatih Dedelioglu ntroduċa żagħżugħa oħra Maja Majkowska. Għal Fusion lagħbet għall-ewwel darba dan l-istaġun Alexia Parnis. Il-partita kienet f’idejn Starlites għall-erbgħin minuta sħaħ hekk kif huma bdew b’run ta’ 12-1 bi trippla ta’ Steffi De Martino u l-baskets minn Mikela Riolo u Christina Curmi. Wara l-uniku basket ta’ Fusion minn Nicole Vella, Starlites għamlu 8 punti oħra għal skor ta’ 20-3. Fusion fetħu t-tieni taqsima b’erba’ punti minn Parnis u Milica Stefanovic. Starlites wieġbu b’run ta’ 12-0 li għalquha bi trippla ta’ Riolo. Fusion għamlu basket ieħor minn Nicole Montalvo qabel ma Starlites għamlu 8 punti oħra bi trippla ta’ Andie Saliba għal skor ta’ 40-9.

It-tielet sessjoni fetħet b’seba’ punti mingħajr risposta minn Starlites. Wara risposta ta’ Fusion permezz ta’ Vella u Marija Momciloivc, il-kumplament tat-taqsima kienet f’idejn Starlites bi 18 -il punt konsekuttiv bi trippla ta’ Paige Cannon u l-punti ta’ De Martino u Saliba. L-aħħar taqsima kompliet bl-istess andament fejn Starlites temmewha b’seba trippli konsekuttivi minn Riolo, Saliba u De Martino fost l-oħrajn biex ħarġu rebbieħa 97-20.

Starlites JSD: M. Zammit Cordina 11, M. Riolo 21, A. Saliba 21, M. Fenech 5, S. De Martino 13, P, Cannon 22, C. Cilia, M. Majkowska, C. Curmi 4.

Fusion Quest: M. Momcilovic 4, M. Stefanovic 5, H. Grixti, A. Parnis 2, M. Opauzki, N. Vella 4, N. Montalvo 5.

Referees: Gianfranco Russo, Fiorentina Ciurariu