“Fl-aħħar ġimgħat, il-PBS kompla jagħti prova li, aktar minn qatt qabel, qed ikun Super One 2.”
Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino, fejn spjega wkoll li, matul l-aħħar ġimgħa biss, il-Partit għamel seba’ lmenti quddiem l-Awtorità għall-mod kif il-PBS iddiskrimina kontra l-Partit Nazzjonalista.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qal li qed ngħixu f’realtà fejn iċ-Chairman tal-PBS Mark Sammut u l-Editur Charles Dalli qed jagħżlu li l-PBS iservi ta’ magna ta’ propoganda għal Robert Abela u l-Partit Laburista billi, b’mod kontinwu, qed ikun iċċensurat il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista u ta’ dawk li jkunu ta’ kritika fil-konfront ta’ Robert Abela.
Fost l-oħrajn, hu semma’ kif it-tmexxija tal-PBS mhux talli rrifjutat li xxandar dritt ta’ risposta tal-Partit Nazzjonalista, talli xxandret risposta differenti. Barra minhekk, għall-protesta li għamlu l-bdiewa ftit tal-jiem ilu, il-PBS xandar kummenti ta’ Robert Abela minflok tal-bdiewa u r-raħħala, li fost oħrajn esprimew id-diżappunt tagħhom għall-mod kif il-Gvern ma qabiżx għalihom fl-istituzzjonijiet Ewropej.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista tenna li l-PBS mhix qed twassal dak li għandu jisma’ l-poplu. Umbagħad, għax mhix komda tirċievi kritika, it-tmexxija tal-PBS saħansitra ordnat li tissakkar il-grada ewlenija tal-binja fi Gwardamanġa appena saret taf bil-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista.
Dan mhux xejn ħlief konferma oħra ta’ kemm il-PBS spiċċat maħtufa mill-Partit Laburista. Konferma li l-PBS saret Super One 2.
//= $special ?>