Lecture Tematika: L-Esperjenza tal-Ombudsman Parlamentari – Riflessjonijiet fuq il-passat, il-preżent u ħarsa lejn il-futur
Fis-sala plenarja tal-Parlament saret Lecture Tematika dwar l-Esperjenza tal-Ombudsman Parlamentari, organizzata mill-Uffiċċju tal-Ombudsman b’kollaborazzjoni mal-Parlament. Il-qofol ta’ dan l-avveniment kienu r-riflessjonijiet fuq il-passat u l-preżent, b’perspettiva lejn it-triq ’il quddiem minn Rob Behrens, l-Ombudsman Parlamentari tar-Renju Unit u l-Ombudsman tas-Servizzi tas-Saħħa tal-Ingilterra. Behrens kien Malta fuq stedina tal-Ombudsman Parlamentari ta’ Malta, l-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon.
Preżenti fost l-oħrajn kien hemm il-Membri Parlamentari David Agius u Robert Cutajar.
Fil-ftuħ ta’ din il-konferenza, l-Ispeaker tal-Parlament, il-Membru Parlamentari Anġlu Farrugia, stqarr li fix-xenarju attwali tagħna, ir-rwol tal-Ombudsman jibqa’ wieħed kruċjali ferm. L-ombudsmen m’humiex biss medjaturi iżda gwardjani tal-ġustizzja, li ħafna drabi jkunu l-aħħar ħajt ta’ kenn fid-difiża kontra l-inġustizzja amministrattiva. Minn diffikultajiet varji, joħorġu ħafna stejjer ta’ suċċess li min-naħa tagħhom jistabbilixxu punti ta’ referenza għall-imparzjalità u l-effettività.
L-Ispeaker reġa’ saħaq, kif għamel f’okkażjonijiet preċedenti, dwar il-ħtieġa li ssir sessjoni ad hoc fil-Parlament biex jiġu diskussi r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman meta dawn jitressqu. Huwa enfasizza l-fatt li din l-inizjattiva tista’ twassal sabiex jitrawwem ftehim bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, li jsaħħaħ it-trasparenza u jtejjeb il-proċessi biex jiġu indirizzati kwistjonijiet li jinqalgħu minn żmien għal żmien.
Fid-diskors tiegħu l-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon, l-Ombudsman Parlamentari, saħaq dwar ir-relazzjoni essenzjali bejn soċjetà ċivilizzata u l-impenn importanti tagħha fid-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Sostna li d-demokrazija, sostnuta minn sistema b’saħħitha ta’ kontrolli u bilanċi, hija fundamentali għal soċjetà ċivilizzata. Dan jestendi lil hinn mill-organi statali tradizzjonali u jinkludi l-midja, is-soċjetà ċivili, u korpi kostituzzjonali bħall-Uffiċċju tal-Ombudsman, li għandu rwol ċentrali biex jiżgura l-kontabbiltà tal-gvern u l-ħarsien tad-drittijiet individwali.
L-Ombudsman Zammit McKeon kompla li huwa konvint li l-Uffiċċju għandu jkun ukoll l-istituzzjoni li tħares id-drittijiet tal-bniedem. S’issa, dan l-Uffiċċju f’Malta, skont kif inhi l-liġi fil-preżent, m’għandux dak ir-rwol speċifiku. Jemmen li dan m’għandux ikun il-każ. L-Ombudsman reġa ddikjara li min-naħa tiegħu qed jistinka ħafna biex din is-sitwazzjoni tinbidel kemm jista’ jkun malajr.
Barra minn hekk, l-Ombudsman aċċenna dwar l-isfidi li qed jevolvu u li jiffaċċjaw id-demokraziji moderni, partikolarment fid-dawl tal-espansjonijiet tal-gvern u l-ħolqien ta’ korpi amministrattivi ġodda. Huwa enfasizza li l-indipendenza tal-Uffiċċju hija l-forza tiegħu, li tinkiseb permezz ta’ azzjoni li tittieħed mingħajr biża’ u t-tisħiħ tal-fiduċja mal-pubbliku. Hekk kif id-demokraziji jevolvu, ir-rwol tal-Ombudsman irid jadatta ruħu wkoll biex ikompli jissalvagwardja b’mod effettiv is-saltna tad-dritt u jiżgura li l-amministrazzjoni pubblika taħdem għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha, biex b’hekk jinżamm il-bilanċ tant delikat ta’ soċjetà demokratika b’saħħitha.
Il-kelliem ewlieni, Rob Behrens, l-Ombudsman Parlamentari tar-Renju Unit, enfasizza l-importanza tal-indipendenza u l-onestà tal-Ombudsman fid-dinamika tal-poter. Huwa ddeskriva dan ir-rwol bħala wieħed li jista’ jitqies bħala arti minħabba l-kumplessitajiet u l-isfidi li jiffaċċjaw ta’ kuljum, inkluż li tagħraf kif għandek timxi anke meta tiltaqa’ ma’ ambigwitajiet u tibni relazzjonijiet kruċjali mal-Parlament u l-korpi ġurisdizzjonali. Behrens saħaq fuq il-ħtieġa ta’ imparzjalità u empatija lejn l-individwi li jressqu l-ilmenti kontra entitajiet mgħammra b’riżorsi tajbin, u ħafna drabi dawn il-persuni jaraw lill-Ombudsman bħala l-aħħar mezz biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fis-servizz mogħti mid-dipartimenti tal-gvern.
Dawk preżenti kellhom l-opportunità li jistaqsu mistoqsijiet liż-żewġ Ombudsmen dwar kwistjonijiet differenti relatati mal-esperjenzi rispettivi tagħhom.
Fi tmiem din il-laqgħa, l-Ispeaker tal-Kamra kkonkluda billi għamel din ir-riflessjoni li l-lecture tal-lum issaħħaħ is-sinifikat tal-Parlament tagħna, billi tenfasizza r-rwol tiegħu lil hinn minn sempliċiment strument li jippromulga liġijiet u jiskrutinizza lill-Eżekuttiv. Tisħaq dwar l-importanza li jiġi pprovdut spazju għall-uffiċjali tagħha, bħall-Ombudsman, biex iqajmu kuxjenza dwar l-uffiċċji kostituzzjonali tal-pajjiż, u jkompli jsaħħaħ il-qafas demokratiku tagħna.
//= $special ?>