Lokali Qorti

Multa wara li hedded żewġ kuntistabbli

Raġel ta’ 37 sena residenti l-Ħamrun ġie mmultat €800 mill-Maġistrat Astrid May Grima wara li sabitu ħati li kważi sentejn ilu hedded lil żewġ Kuntistabbli fl-istess lokalità fejn jgħix u dan għax kienu se jagħtuh ċitazzjoni.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-inċident seħħ fit-3 ta’ Marzu tal-2022 fi Triq Birrerija, u dan meta Christian Tanti indirizza lil Pulizija minnhom bi kliem diżpreġġattiv, fosthom “ara ma nirċivix ticket ieħor għax ħażin ikun għalik”, u lill-uffiċjal l-ieħor qallu “tkunx hero int ukoll” u “ersaq għax inressqek”.

Dan seħħ wara li ż-żewġ Pulizija, li kienu fuq ronda, innutaw diversi karozzi li ma kinux ipparkjati sew għax fost l-oħrajn kienu wkoll bla pjanċi u kellhom il-liċenzja skaduta. Mill-provi rriżulta li waqt li Kuntistabbli minnhom kien qed jieħu xi ritratti l-akkużat ħareġ fit-triq.

Huwa dlonk beda jgħajjat filwaqt li pponta subgħajh lejh. Wara mar għall-Pulizija l-ieħor b’aggressività wara li kien wissieh biex ma jheddux. Tanti kien ġie mwissi diversi drabi qabel biex ma jħallix karozzi barra, iżda kien kollu għalxejn. Apparti l-multa, il-Qorti rabtet lil Tanti b’garanzija personali ta’ €2,000 għal perjodu ta’ sena. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Andy Rotin.