Lokali

“Robert Abela jżur binja li suppost kellha tinfetaħ bħala skola s-sena li għaddiet” – PN

“Il-Partit Nazzjonalista ilu jsegwi il-ftit proċess li sar fil-binja tal-iskola tal-Imsida u jittama li wara ħafna snin u wegħdi li baqgħu jiġu ripetuti minn sena għal oħra, u wara li nbniet u reġgħet twaqqgħet, l-iskola tal-Imsida issa qabdet l-aħħar fażi sabiex tkun kompluta, seba’ snin wara li l-Ministeru tal-Edukazzjoni ħabbar li ser tinbena l-iskola li kellha tieħu sentejn.”

Kien dan li ntqal minn stqarrija tax-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’, Justin Schembri f’isem il-Partit Nazzjonalista wara li Robert Abela żar binja ta’ skola li għadha ġebel u saqaf u li suppost kellha tinfetaħ is-sena li għaddiet. 

L-istqarrija tkompli li wara li Mistoqsija Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista dwar l-ispiża finali stmata għall-iskola baqgħet qatt ma ġiet imwieġba, issa l-Gvern fi stqarrija mill-uffiċċju tal-Prim Ministru, illum qiegħed jikkonferma li l-iskola ser tiġi tiswa €14-il miljun aktar minn kemm kienet stmata skont stqarrija tal-Ministeru tal-Edukazzjoni lura għal Ottubru tal-2020 meta l-Ministru ta’ dak iż-żmien kien Owen Bonnici. Dan għalhekk jikkonferma li d-dewmien f’din il-binja se jkun qiegħed jiswa lil pajjiżna l-miljuni li setgħu kienu investiti fi skejjel oħra.

Il-Partit Nazzjonalista jawgura u jittama li din l-iskola tkun kompluta minn kollox fil-ġimgħat li ġejjin sabiex tilqa’ fiha l-istudenti Misidjani li ilhom għal snin sħaħ trasferiti fi skola oħra. Il-Partit Nazzjonalista jinnota li minn mindu tħabbret din l-iskola, il-Gvern bidel 4 Ministri li kollha ma wasslux il-proġett sa tmiemu. Dan jikkuntrasta sewwa mal-legat tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern li kien jibni u jiftaħ skola ġdida kull sena.