Bdiet ir-raba’ sena mindu tpoġġiet l-ewwel ġebla tal-Iskola Primarja fl-Imsida. U minkejja l-wiegħda li titlesta f’Jannar, din l-istess binja għadha ġebel u saqaf.
U minħabba l-kritika enormi li qed ikun hemm kaġun ta’ dan id-dewmien, l-Erbgħa filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima żaru x-xogħol li qed isir. Liema żjara saret bla media; tant li nħoloq paniku sħiħ fost in-nies ta’ Abela meta raw il-camera ta’ Net News fuq barra tas-sit fejn għaddej ix-xogħol.
B’Robert Abela jagħżel li jaħrab kompletament lill-media tagħna u ma jwieġeb ebda mistoqsijiet – tant li ddaħħal u nħareġ mis-sit bil-karozza.
Dan l-istazzjon xorta staqsa lill-Ministru Grima dwar ix-xogħol li għandu jkarkar f’din l-iskola li ilha tiġi mwiegħda elezzjoni elettorali wara l-oħra. Bit-tweġiba tiegħu turina biċ-ċar li m’għandux idea meta se tkun lesta li tilqa’ l-istudenti fiha.
F’laqgħa tal-Kunsill Lokali tal-Imsida li kienet saret f’Ġunju li għadda, mistoqsi mill-Minority Leader, Charles Selvaggi dwar din l-iskola, il-Kunsillier Laburista, Emanuel Brincat kien għarraf lil dawk preżenti li din kellha tkun lesta sal-aħħar ta’ Diċembru li għadda [54.4.01]. Bil-Ministru, issa, imur lura minn din il-wegħda.
Fl-2022, sentejn wara li beda dan il-proġett, il-ftit bini li kien tela’ f’dan is-sit kien reġa’ twaqqa’ – u kollox sar terrapien wara li x-xogħol kien sar ħażin.
Skola li l-Gvern Laburista ilu jwiegħed sa minn qabel l-2019, tant li sal-lum inbidlu tliet Minsitri tal-Edukazzjoni – u l-ebda minnhom għadu ma wassal dan il-proġett għat-tlestija tiegħu, b’detriment għat-tfal u l-familji tal-Imsida.
//= $special ?>