Lokali Parlament

Carm Mifsud Bonnici – 25 sena servizz fil-Parlament Malti

“…il-valur ta’ solidarjetà soċjali tispikka f’persuna li tassew temmen fil-prinċipji nsara u demokratiċi”, qal l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, meta f’serata fil-binja tal-Parlament nieda l-ktieb ‘Carm Mifsud Bonnici, 25 Sena fil-Parlament Malti’.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, l-Ispeaker tkellem dwar il-kwalitajiet li huma essenzjali għal persuna fil-ħajja pubblika, jiġifieri, li jaqdi lill-poplu Malti. Huwa qal li l-politiku jeħtieġ li juri rispett lejn kulħadd, li jħares id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ kulħadd.

Farrugia qal li l-politiku għandu jirrispetta lill-kulħadd, kemm sħabu deputati li magħhom jaqsam l-istess ħsieb politiku, kif ukoll, ma’ dawk meqjusa avversarji filwaqt li għandhom l-obbligu li jfittxu dejjem l-interess u l-ġid komuni tal-poplu Malti u b’mod partikulari dawk li għal xi raġuni waqgħu lura jew il-foqra ta’ żmienna. 

F’għeluq id-diskors tiegħu, l-Ispeaker awgura lil Carmelo Mifsud Bonnici snin fil-ħajja pubblika u dejjem u li jibqa’ l-politiku oġġettiv, għalliem b’tant parir tajba, u fuq kollox jissokta f’ħidma favur iż-żgħar tas-soċjetà.

Indirizzaw din l-okkażjoni Victor Camilleri, Evarist Bartolo, Robert Cutajar, Whip tal-Oppożizzjoni, u Chris Fearne, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur.