Raġel ta’ 35 sena minn Ħal Kirkop kellu jittieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’Ħal Far.
Il-każ seħħ ftit qabel l-erbgħa tal-Ħamis waranofsinhar fi triq biswit il-mitjar tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta meta mill-ewwel indikazzjonijiet sewwieq spiċċa tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu bil-konsegwenza li ħabat fil-barrikati tal-karreġġjata opposta.
Sorsi fil-post sostnew li kollox qed jindika li s-sewwieq prova jevita biċċiet kbar tal-ħadid li waqa’ minn fuq trakk li f’dak il-waqt kien qiegħed jinstaq quddiemu.
Fil-post ġew imsejħa minnufih uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku tal-ambulanzi li ħa lis-sewwieq l-isptar għal aktar kura, fejn ġie ċċertifikat li qiegħed fil-periklu tal-mewt.
L-Awtoritajiet infurmaw lill-pubbliku li Triq Ħal Far ingħalqet temporanjament fuq iż-żewġ karreġġjati.
//= $special ?>