Lokali

Il-Gvern jibqa’ stinat li ma jnaqqasx il-VAT għal 15%

Il-Ministru Chris Fearne illum il-ġurnata huwa responsabbli mill-Protezzjoni tal-Konsumatur. Iżda minkejja li għandu dan ir-rwol ġdid, sabha ferm bi tqila biex jappoġja l-proposti importanti li qed tressaq ‘il quddiem il-Kamra tal-SMEs.

Fil-fatt, ftit tal-jiem ilu, il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji ħabbret proposti sabiex tkun indirizzata l-għoli tal-ħajja – b’waħda mill-proposti kienet propju li l-Gvern inaqqas il-VAT minn 18% għal 15%.

Bid-Deputat Prim Ministru iżomm pożizzjoni kontra li titnaqqas ir-rata tal-VAT. Dan filwaqt illi qalilna li l-iskema tal-prezzijiet, li daħlet fis-seħħ ftit tal-jiem ilu, diġa’ qed tħalli effett.

Din il-ġimgħa stess, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana kompla jinjora l-appelli li qed isiru minn diversi Korpi Kostitwiti; appelli li saru bil-għan li l-Gvern immexxi minn Robert Abela jkun jista’ jindirizza tassew il-pjaga tal-għoli tal-ħajja.

Bil-Ministru Clyde Caruana juri biċ-ċar illi m’aċċettax dawn il-proposti tal-Kamra tal-SMEs – għaliex skont hu, ikun hemm effett negattiv.