Lokali

Il-President Vella jtenni l-messaġġ favur il-paċi

“Inħeġġiġkom tkomplu bil-ħidma tajba tagħkom u tkomplu tikkontribwixxu għall-isforzi u l-enerġiji ta’ Malta fit-tfittxija tal-paċi.”

Dan kien il-messaġġ li wassal il-President ta’ Malta George Vella meta ndirizza lill-Konsli Onorarji ta’ Malta fil-Palazz tal-Belt Valletta – l-ewwel laqgħa mal-Konsli sa minn Mejju tal-2019.

Fil-messaġġ lill-Konsli, Vella tkellem fit-tul dwar iż-żewġ gwerer li għaddejjin bħalissa… dik fl-Ukrajna u dik bejn l-Iżrael u l-Hamas. Sfidi li ma kienux preżenti l-aħħar darba li ltaqgħu, u li ħallew impatt fuq istabbiltà ekonomika u l-politika globali.

Il-President iringrazzja b’mod partikolari lill-Konsli għall-għajnuna li huma taw lil mijiet ta’ Maltin li fitxew l-għajnuna barra minn xtutna, b’mod partikolari waqt il-pandemija tal-COVID.

Hu fakkar lill-Konsli Onorarji sabiex jużaw l-għarfien legali, ekonomiku, soċjali u kultrali li għandhom sabiex jassiguraw li ma jkun hemm ebda kundizzjoni inġusta jew mhux dinjituża.

Il-President ħeġġeġ lill-Konsli Onorarji biex jaħsbu b’mod kreattiv, u talabhom jagħtu attenzjoni mill-qrib il-wirt kulturali Malti.

Il-President temm billi talabhom sabiex huma jżommu l-istess livell ta’ professjonalità, kompetenza u fiduċja mas-suċċessur tiegħu, hekk kif it-terminu tiegħu bħala President riesaq lejn tmiemu.