Ir-raġel tat-tifla tal-kap tal-mafja Sqallija Toto Riina se jiġi estradit lejn Sqallija biex jiskonta sentenza ta’ ħabs wara li kien arrestat f’Malta bis-saħħa ta’ żewġ Mandati ta’ Arrest Ewropej. Antonino Ciavarello, oriġinarjament minn Palermo u residenti l-Mosta. Hu tressaq taħt arrest l-għada ta’ għeluq il-50 sena tiegħu, quddiem il-maġistrat Gianella Camilleri Busuttil.
Skont rapporti tal-aħbarijiet minn Sqallija, Ciavarello huwa miżżewweġ lil Maria Concetta Riina, it-tifla tal-kap infami tal-mafja Salvatore, “Toto” Riina. Fil-Qorti l-Ħamis waranofsinhar, l-Ispettur Roderick Spiteri ikkonferma bil-ġurament li kien qed iressaq lil Ciavarello taħt arrest bis-saħħa ta’ żewġ Mandati ta’ Arrest Ewropej maħruġa mill-awtoritajiet Taljani.
Huwa esebixxa kopji tal-mandat ta’ arrest oriġinali u t-twissija relatata tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen. L-Ispettur Spiteri spjega li hemm kienu nħarġu żewġ Mandati ta’ Arrest Ewropej f’isem Ciavarello, maħruġa b’rabta ma’ żewġ sentenzi separati tal-qorti.
Ciavarello, li deher il-Qorti liebes ħwejjeġ miksija bit-trab tal-kostruzzjoni, ma setax iqum bil-wieqfa fl-iżbarra minħabba li huwa ta’ ċertu daqs. Il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil kif rat hekk ħalliet lir-raġel jibqa’ bilqiegħda.
Waqt li kien qed jitkellem bil-kwiet, kważi minn taħt ilsien, ir-raġel ta indirizz fil-Mosta bħala l-post ta’ residenza tiegħu. Huwa qal lill-Qorti li kien impjegat bħala xufier ma’ kumpanija tal-kostruzzjoni bbażata f’San Ġwann.
L-Ispettur Spiteri qal lill-Qorti li kien hemm żewġ mandati, it-tnejn li huma jirreferu għaż-żewġ sentenzi ta’ ħabs ta’ Ciavarello, waħda hija ta’ sentejn ħabs u ordnatlu jħallas multa ta’ 100,000 ewro u t-tieni sentenza ta’ ħabs għal tmien xhur.
Waqt li tkellem permezz ta’ interpretu, Ciavarello kkonferma mal-Qorti li kien il-persuna identifikata fiż-żewġ mandati. L-Avukat Thomas Barbara Sant, li assista lil Ciavarello qal lill-Qorti li l-klijent tiegħu kien jaf bis-sentenzi iżda ma kienx jaf li kien ikkundannat ħabs. Il-Qorti staqsiet lil Ciavarello jekk aċċettax li jiġi rritornat l-Italja. Huwa ddikjara li hekk ried għamel.