Lokali

“It-tmexxija tal-PBS moħħha biss biex tagħlaq il-bibien lil min ma jaqbilx ma’ Robert Abela” – PN

It-tmexxija tal-PBS moħħha biss biex tagħlaq il-bibien lil min ma jaqbilx ma’ Robert Abela u l-partit tiegħu. Moħħha biss biex tara li l-PBS jibqa’ Super One 2.

Konferma oħra waslet ilbieraħ meta, appena saret taf li l-Partit Nazzjonalista kien se jagħmel konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-PBS, it-tmexxija ordnat li l-bieb ewlieni saħansitra jingħalaq bil-kanċell.

Din id-deċiżjoni kienet konferma oħra kemm it-tmexxija tal-PBS ma tridx li x-Xandir Pubbliku jkun verament tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. It-tmexxija tal-PBS għażlet li tagħlaq il-bieb tagħha għall-poplu.

It-tmexxija tal-PBS, taħt ir-responsabbiltà taċ-Chairman Mark Sammut u l-Kap tal-Operat u Editur Charles Dalli, qed tibqa’ turi li l-intenzjonijiet tagħha huma li tibqa’ tkun magna ta’ propaganda għal Robert Abela u l-partit tiegħu minflok ma twassal il-messaġġ – ikun favur jew kontra min ikun – lill-poplu kollu, kif titlob il-Liġi.

Dan m’hu xejn ħlief konferma oħra ta’ kemm il-PBS spiċċat maħtufa mill-Partit Laburista. Konferma li l-PBS saret Super One 2.

Dan intqal fi stqarrija mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino u x-Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg.