Lokali Qorti

Jammetti li kkommetta att sesswali fuq l-HR tiegħu

Niġerjan ta’ 47 sena ammetta quddiem il-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil li kkommetta fastidju sesswali fuq mara li kienet l-HR tiegħu fuq il-post tax-xogħol. Il-każ seħħ meta huwa mar jiġbor xi payslips mingħand il-vittma u spiċċa biex mess sidirha.

Ernest Assumang Kumi ammetta li f’Novembru li għadda f’xi ħin filgħodu wettaq atti mhux konsenswali u fastidju fuq il-mara. Huwa skuża ruħu kemm mal-Pulizija kif ukoll mal-vittma fuq Facebook. Fl-istqarrija li ta lill-Pulizija hu ħaseb li l-mara kellha grazzja miegħu u li riedet tibda relazzjoni.

L-Ispettur Wayne Bonello qal li l-inċident seħħ fl-uffiċini tal-kumpanija f’Ħal Qormi. Il-vittma ressqet rapport ftit ġimgħat wara f’Diċembru. Il-mara qalet lill-pulizija li dakinhar tal-fastidju, l-akkużat avviċinaha biex ikellimha dwar il-pjani tiegħu li jmur barra minn Malta, u beda jistaqsi dwar il-pagi tiegħu.

Waqt li l-mara kienet qed titkellem miegħu, tiddiskuti l-payslip tiegħu, f’daqqa waħda mess sidirha, u qalilha: “Ma nistax noqgħod ‘il bogħod minn sidrek”. Il-mara mbuttatu, fejn ipproteġiet ruħha kontra l-avvanzi mhux mixtieqa filwaqt li r-raġel għadda xi kummenti indiċenti oħra. Hi qaltlu biex imur u hekk għamel.

Iktar tard, huwa bagħtilha messaġġ fuq Facebook fejn talabha skuża għall-imġieba tiegħu. Inħareġ mandat ta’ arrest kontra s-suspettat iżda ma setax jiġi esegwit peress li kien imsiefer. Huwa ġie arrestat nhar l-Erbgħa hekk kif irritorna Malta, spjega l-prosekutur.

Megħjun minn avukat tal-għajnuna legali, ir-raġel irreġistra ammissjoni. Mistoqsi mill-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil jekk fehemx bis-sħiħ l-akkużi, l-akkużat qal: “Kien żball. Imma konna nitkellmu ma’ xulxin il-ħin kollu.”

Meta ngħata aktar żmien biex jikkonsulta lill-avukat tiegħu u jerġa’ jikkunsidra l-ammissjoni tiegħu, l-akkużat ikkonferma l-ħtija. L-avukati tal-parte civile Alfred Abela u Rene’ Darmanin qalu li nhar l-Erbgħa l-akkużat kien ippreżenta rapport fil-konfront tal-vittma fejn allega “xi tip ta’ mess minn wara” fil-konfront tiegħu.

Madankollu, fid-dawl tal-ammissjoni tiegħu nhar il-Ħamis, id-difiża qalet li dak ir-rapport kellu jiġi rtirat mill-akkużat. Il-partijiet qablu li terminu massimu ta’ probation, flimkien ma’ ordni ta’ protezzjoni, ikun piena xierqa fiċ-ċirkostanzi.

B’hekk l-vittma tkun meħlusa li terġa’ tgħix l-inċident u ma tissejjaħx biex tixhed, spjegaw l-avukati tagħha. Barra minn hekk, l-akkużat kien ammetta mill-ewwel, kien ikkopera mal-pulizija u skuża ruħu għall-għemil ħażin tiegħu.

Il-Qorti poġġiet il-kawża għas-sentenza għal nhar it-Tnejn u laqgħet it-talba tad-difiża għal libertà proviżorja kontra depożitu ta’ €500, garanzija personali ta’ €1,000, li jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Birżebbuġa kuljum sat-Tnejn u ma jersaqx lejn il-vittma jew xhieda oħra bl-ebda mod.

Il-Qorti ħarġet ukoll projbizzjoni fuq l-isem tal-vittma u ħarġet ordni ta’ protezzjoni fir-rigward tagħha, fejn wissiet lill-akkużat bil-konsegwenzi li kieku kellu jikser dik l-ordni. L-avukat tal-AĠ Jurgen Dalli u l-Ispettur Wayne Bonello tħarrku. L-avukat Thomas Barbara Sant kien avukat tal-għajnuna legali. L-avukati Alfred Abela u Rene’ Darmanin dehru parte civile.