Lokali

Miġbura €54,585 waqt il-programm speċjali ta’ Net TV

€54,585

Din hija s-somma li nġabret waqt ix-xandira speċjali li saret fuq Net Television fejn ingħata rikonoxximent lill-ħidma importanti li wettaq Eddie Fenech Adami għal pajjiżna – xandira li twasslet f’għeluq sninu, u li matulha ntwerew diversi features b’rabta mal-karriera politika tal-eks Prim Ministru u eks Kap tal-PN.

Bis-somma miġbura waqt dan il-programm speċjali tal-Erbgħa tkun l-akbar ċifra li qatt inġabret waqt xandira speċjali bħal din.

Matul dan il-programm – bi preżentazzjoni ta’ Karl Gouder u Roberta Bonello – ipparteċipaw diversi eks Ministri u eks deputati li matul is-snin ħadmu ma’ Eddie Fenech Adami f’diversi gvernijiet li mexxa.

Lejn tmiem din ix-xandira Bernard Grech fakkar kif bħalissa għandna Gvern li qed jivvota għal-liġijiet li qed jagħmlu ħsara lill-Maltin u l-Għawdxin. U għalhekk, ħeġġeġ li l-poplu sabiex jibqa’ wara l-Partit Nazzjonalista bil-għan li jkun l-għażla alternattiva għal pajjiżna.

Intant, bosta kienu dawk li f’dawn il-jiem wasslu lill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista l-awguri tagħhom filwaqt li rringrazzjawh għal dak kollu li għamel għal pajjiżna.