Lokali

Robert Abela jigdeb biex jinċita l-vjolenza kontra l-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista jtenni fiduċja sħiħa fl-Imħallfin u l-Maġistrati kollha ta’ pajjiżna

Wara li fl-aħħar ġimgħat, Robert Abela fettaħ attakk kontinwu fuq il-Qrati ta’ pajjiżna, illum Robert Abela gideb meta akkuża lill-Oppożizzjoni li “ippuntat pistola ma’ ras l-Imħallef Grixti, pistola li eventwalment faqqgħet”.

Robert Abela qed jagħmel din l-akkuża falza bl-intenzjoni ċara u b’għażla ta’ kliem intiżi biex jinċitaw ritaljazzjoni vjolenti kontra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, kontra x-Shadow Minister Adrian Delia u kontra kull min jifforma parti mill-Partit Nazzjonalista.

Dan il-kliem ta’ Robert Abela hu inaċċettabbli f’soċjetà demokratika u juri li Robert Abela hu politiku immatur, perikoluż u anti-demokratiku.

Il-Partit Nazzjonalista qed iżomm lil Robert Abela personalment responsabbli għal kwalunkwe ħsara li tista’ ssir lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, lix-Shadow Minister Adrian Delia u lil kull min jaħdem fil-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-fiduċja sħiħa tiegħu fl-Imħallfin u fil-Maġistrati kollha ta’ pajjiżna, li għandhom id-dehen, l-għerf u l-kuraġġ meħtieġa biex jaqdu d-doveri tagħhom skont il-Liġi, mingħajr biża’ jew favur.