Saoud Mahmud ta’ 41 sena u Naief Mahmud ta’ 37 sena mis-Sirja wieġbu mhux ħatja li mingħajr il-ħsieb li joqtlu u li jqiegħdu il-ħajja ta’ ħaddiehor f’periklu ċar kkaġunaw griehi ħfief fuq surġent tal-pulizija u persuni oħra fi ġlieda li seħħet fil-Ħamrun nhar it-Tlieta.
Diversi uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija kellhom jintervjenu biex irażżnu grupp imdaqqas ta’ persuni li ġew fl-idejn fi Triq Patri Magri, f’argument li fih intużaw ukoll biċċiet tal-injam. Il-każ seħħ għall-ħabta tas-1pm, meta qam argument bejn ħames Sirjani, li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn it-23 u l-41 sena, fl-inħawi tal-pjazza tal-Ħamrun.
Huma gew akkużati wkoll li heddu u li ma segwewx l-ordnijiet leġittimi tal-awtoritajiet. L-ispettur Sarah Kathleen Zerafa qalet li l-akkużati kienu parti minn ġlieda fejn fiha spiċċa ferut pulizija. Qalet li l-ġlieda inqalat bejn żewġ persuni u li b’kollox ġew arrestati ħamsa.
Qalet li din il-ġlied kissret il-paci pubblika, akkuża li ngħataw ukoll l-akkużati. Id-difiża mmexxija mill-avukati Matthew Xuereb u Josè Herrera talbet għal ħelsien mill-arrest, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona bil-qawwa kollha minħabba r-reat ta’ offiża ta’ natura ħafifa fuq persuni oħra u uffiċjal tal-korp tal-Pulizija minħabba l-fatt li meta l-kuntistabbli pprova jarresta lil Saoud, l-akkużat gidmu.
Ingħad ukoll li minkejja li l-pulzija għamlu minn kollox biex jikkalmaw is-sitwazzjoni, Saoud baqa’ jaqla l-inkwiet. Id-difiża qalet li m’hemmx il-biża ta’ kontaminazzjoni tal-provi ghaliex x-xhieda pajżana għadhom ma ġewx identifikati filwaqt li x-xhieda prinċipali se jitressqu wkoll.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil qalet li nvista tan-natura serja tal-reati fil-konfront tal-imputati u minħabba li f’dan l-istadju l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjjin u għad iridu l-allegati vittmi u x-xhieda pajżana, ċahdet il-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti lagħqet it-talba tal-prosekuzzjoni għal ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni. Għall-parte civile dehru l-avukati Arthur Azzoppardi u Jacob Magri.