Lokali

Solidarjetà mal-Uffiċjali tas-Servizz għas-sagrifiċċju u r-riskji li jieħdu ta’ kuljum – PN

Fl-aħħar jiem, u minkejja li ħafna minn dawn isiru ta’ kuljum mingħajr daqq ta’ trombi, ħarġu fil-pubbliku ċirkostanzi li juru s-sagrifiċċji li jieħdu għalina persuni li jaħdmu fil-korpi dixxiplinarji f’pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li hu l-obbligu tal-Gvern li jħares u joffri l-aħjar riżorsi u kundizzjonijiet lill-persuni li jaħdmu f’dawn il-korpi biex, bħal ma huma jieħdu numru ta’ riskji ta’ kuljum biex jaqdu dmirijiethom lejn il-pubbliku, dawn l-Uffiċjali jkollhom l-ogħla livelli ta’ protezzjoni mingħand il-Gvern.

Fl-aħħar jiem rajna filmati jduru fuq il-media lokali ta’ Uffiċjali tal-Pulizija jidħlu fil-qalba ta’ ġlieda biex iżommu l-ordni pubblika u saħansitra weġġa’ b’mod ħafif waqt il-qadi ta’ dmirijietu, u Uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili u membri tal-Korp tal-Pulizija jaħdmu bla waqfien f’dak li seħħ meta ġġarfet faċċata ta’ binja għat-triq.

Dawn huma mumenti fejn għandna nuru l-apprezzament tagħna li mingħajr ebda avviż u fil-pront, għandna nies qalbiena li lesti jidħlu fil-periklu biex iżommu l-ordni u s-sigurtà. Ma’ dawn l-eżempji, hemm ċirkostanzi oħrajn ta’ ħidma li ssir mis-suldati fil-Forzi Armati tagħna u anke Uffiċjali fil-Ħabs.

Għalhekk, filwaqt li jerġa’ jirringrazzja lil dawn l-Uffiċjali qalbiena fil-qadi dmirijiethom u jappella għar-rispett mill-pubbliku, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-appell lit-tmexxija tal-korpi dixxiplinarji biex jagħmlu d-dover tagħkom u jieħdu azzjoni meta pajjiżna jkollu bżonn mingħajr tkaxkir tas-saqajn, kif jagħmlu ta’ kuljum l-Uffiċjali fl-eżempji msemmija u ħafna oħrajn.

It-tmexxija tal-korpi dixxiplinarji għandha responsabbiltà kbira fuqha: li tieħu azzjoni u deċiżjonijiet fl-aqwa interess ta’ pajjiżna u mingħajr ma tħares lejn wiċċ ħadd.

B’mod partikolari, il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jfakkar fir-responsabbiltà kbira li għandu fuqu l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa, li jieħu passi ġudizzjarji mal-imħuħ wara l-iskandlu tal-kuntratti tal-Vitals, l-iskandlu tal-liċenzji tas-sewqan għall-voti, l-iskandlu tal-frodi tal-benefiċċji soċjali għall-voti, l-iskandli marbuta mal-Awtorità tal-Gaming f’pajjiżna, l-iskandlu tal-kuntratti tal-Electrogas, l-iskandli marbuta mal-Bank Pilatus u numru ta’ każijiet oħrajn li ppermettew li l-kriminalità tkompli taħdem lil pajjiżna.

Dawn l-istanzi kollha u s-snin twal ta’ stennija għall-azzjoni joħorġu d-differenza bejn l-Uffiċjali tal-Pulizija li jieħdu azzjoni mal-ewwel meta d-dover isejħilhom, filwaqt li min imexxi l-Korp jieħu azzjoni fejn u ma’ min irid.

Mill-ġdid, il-Partit Nazzjonalista jesprimi solidarjetà u jirringrazzja lill-Uffiċjali tas-Servizz għas-sagrifiċċju u r-riski li jieħdu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom u waqt it-taħriġ kontinwu tagħhom biex iżommu s-sigurtà f’pajjiżna.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott.