Ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn l-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta u l-kumpanija Ancestry se jwassal biex l-Arkivji Nazzjonali jkunu f’pożizzjoni li joffru bla ħlas il-possibiltà ta’ riċerka ġeneoloġika f’waħda mill-akbar databases mondjali.
Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim se jkun iktar faċli biex wieħed jibni l-arblu tar-razza tal-familja permess ta’ aċċess b’xejn għad-database mondjali ta’ Ancestry li s’issa fiha 40 biljun rekord minn 88 pajjiż fil-kmamar tal-qari tal-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta.
L-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta se jkun qed joffru servizz tal-ogħla kwalità fir-riċerka ġeneoloġika u din se tkun qed tiftaħ il-bieb għall-kollaborazzjoni akbar.
L-Arkivista Nazzjonali, Charles Farrugia spjega kif erba’ snin ilu, l-Arkivji Nazzjonali akkwistaw il-Ġuljana Letard Ciantar. Il-ġuljana hija l-għodda bażika fir-riċerka ġenejoloġika u tikkonsisti f’ġabra ta’ notamenti dwar twelid, żwiġijiet u mwiet. Mal-ewwel, l-Arkivji Nazzjonali beda x-xogħol meħtieġ ta’ konservazzjoni u preservazzjoni, kif ukoll il-katalogar ta’ din il-kollezzjoni. Din il-Ġuljana infetħet għar-riċerka.
Matul dan iż-żmien, l-Arkivji Nazzjonali bdew jiddiskutu ma’ Ancestry, waħda mill-akbar kumpaniji mondjali fil-qasam ġeneoloġika, kif jista’ jkun żviluppat l-aċċess u l-użu ta’ dawn id-dokumenti.
Il-ftehim se jwassal biex Ancestry toħloq kopja diġitali tal-Ġuljana Letard Ciantar kif ukoll indiċi li se jgħaddu għand l-Arkivji Nazzjonali waqt li l-Ġuljana se tibqa’ proprjeta’ tal-Arkivji. Dan il-ftehim ser iwassal għal numru ta’ benefiċċji tal-ftehim, li jinkludu li din il-Ġiuljana tiġi inkluża fi struttura mondjali ta’ riċerka ġeneoloġika.
Ir-reġistru pubbliku f’pajjiżna li jimmarka t-twelid u l-imwiet imur lura biss għall-1863. Il-bqija tad-dokumenti qabel din is-sena jinstabu f’dokumenti li l-parroċċi ta’ kull raħal u belt kienu jżommu wara d-deċiżjoni tal-Papa Pawlu III li kien ordna li jinżamm reġistru ta’ kull magħmudija, żwieġ u dfin.
B’hekk, permezz ta’ dan l-iffirmar, minflok wieħed ikollu jdur kull parroċċa li possibilment hemm dettalji dwar l-antenati, minflok, issa se tkun ferm iktar faċli li ssir taf iktar dwar il-passat ta’ qrabatek.
//= $special ?>