Lokali

Il-Fondazzjoni ALIVE tagħti donazzjoni ta’ €120,000 lil RIDT għar-riċerka dwar il-kanċer

Il-Fondazzjoni ALIVE Charity Foundation preżentat is-somma ta’ €120,000 bħala donazzjoni lil Research, Innovation, and Development Trust (RIDT). Il-flus inġabru waqt attività organizzata minn ALIVE, bil-għan li din il-kontribuzzjoni tkun użata għal proġetti li l-Università tagħmel biex tifhem aktar il-kanċer u biex jitjibu t-trattamenti għall-kanċer.

Din id-donazzjoni hija parti mill-ħidma li ALIVE kontinwament tagħmel sabiex tagħti l-appoġġ u l-kontibut tagħha għall-inizjattivi sabiex tiprevjeni u tagħti trattament tal-kanċer. Nicky Camilleri iċ-chairperson ta’ Alive Chairty Foundation qalet li huma jinsabu kburin b’din id-donazzjoni li huma taw propju f’jum il-kanċer.

Waqt li Alfred Vella r-rettur tal-Università ta’ Malta qal li permezz ta’ dawn id-donazzjonijiet l-Università tkun tista’ tkompli bir-riċerka li l-Università tagħmel dwar it-trattament tal-kanċer. Hu ħeġġeġ ukoll lil NGOs oħra, kif ukoll individwi u negozji sabiex jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom.

Intant, ALIVE Chairty Foundation, qed tiċċelebra 10 snin anniversarju, fejn tul dawn is-snin tat €820,000 għal diversi proġetti ta’ riċerka dwar il-kanċer, u għalhekk ħeġġew lil kulħadd sabiex jieħu sehem fil-ġbir ta’ fondi ta’ din is-sena li fost l-oħrajn jinkludu maratona bir-roti ta’ 1200 km bejn il-21 u 28 ta’ Ġunju 2024.