Lokali

Il-Karnival ta’ Malta: Karrijiet, żfin, maskri u maskaruni

Mill-Belt saż-Żurrieq. Minn Ħal Għaxaq san-Nadur. Karrijiet, żfin, maskri u maskaruni. Dawn huma l-elementi li kull sena jispikkaw fil-karnival ta’ Malta; celebrazzjonijiet li jibqghu ghaddejin sa nhar it-Tlieta.

Il-programm tal-Karnival ta’ din is-sena beda b’esebizzjoni dedikata lil Pawlu Curmi ‘Il-Pampalun’ – wirja li fethet fi Spazzju Kreattiv, u li hija accessibli għal kulħadd sat-3 ta’ Marzu.  

Il-Ġimgħa, imbgħad, fir-raħal taż-Żurrieq ospita l-karnival – fejn spikkat il-mużika brijuża kif ukoll id-daqq tal-banda. Spikkaw ukoll nies ta’ kull età lebsin minn kostumi tradizzjonali sa kostumi moderni u elaborati; saħansitra dawk magħmula bl-idejn.

Diversi karrijiet żewqu t-toroq ta’ dan ir-raħal. Karrijiet magħmula bl-idejn u b’dedikazzjoni minn bosta dilettanti u voluntiera. Fost dawn spikkaw il-karrijiet marbuta ma’ stejjer tat-tfal kif ukoll dawk li qed jirrapreżentaw diversi karattri.

Fil-Belt, wara li l-Ġimgħa naraw id-dħul trijonfali tar-Re tal-Karnival, l-attenzjoni iddur għall-programm tas-Sibt fi Pjazza San Ġorġ. Hemm, jittella’ il-Karnival tat-tfal bil-parteċipazzjoni ta’ diversi skejjel taż-żfin kif ukoll parata bil-karijiet  li jibqgħu sejrin sa Triq ir-Repubblika. Fl-istess jiem ikun għaddej ukoll il-karnival spontanju f’Għawdex, illi jiġbed lejn in-Nadur eluf ta’ żgħażagħ.

Il-qofol tal-karnival jintlaħaq it-Tlieta tard wara nofsinhar bl-essebizzjoni tal-karijiet tal-karnival flimkien ma numru ta’ parteċipanti li jieħdu sehem fil-parata sa Triq Sant Anna fil-Furjana.

Sfortunatament skont l-Uffiċċju Meterjoloġiku…jidher li t-temp, mill-Ħadd ‘il quddiem, mhux se jkun daqstant ħanin mad-dilettanti. U kollox qed jindika li mill-Ħadd se jkollna maltempati u riħ qawwi.

Jiġri x’jiġri – dan żgur mhux se jaqta’ qalb l-appasjonati tal-Karnival. Bit-tama tkun li x-xita ma tħarbatx il-festi.