Lokali

Il-mafjuż li kien ilu sentejn jaħdem Malta kien jiftaħar bix-xogħol li għamel għal Project Green

Ir-raġel tat-tifla tal-mafjuż Toto Riina kien ilu sentejn jaħdem Malta. U fost ix-xogħlijiet li kien fdat bihom, kien hemm proġetti tal-aġenzija Project Green – li dak iż-żmien kienet immexxija mill-kandidat Laburista Steve Ellul.

Antonino Ciavarello se jiġi estradit lejn Sqallija biex jiskonta sentenza ta’ ħabs wara li kien arrestat f’Malta bis-saħħa ta’ żewġ Mandati ta’ Arrest Ewropej.

Meta tressaq il-Qorti, Ciavarello qal li kien impjegat ma’ kumpanija tal-kostruzzjoni bbażata f’San Ġwann; bl-Isqalli regolarment kien ipoġġi ritratti tax-xogħol tiegħu fuq il-media socjali – inkluż waqt li kienet għaddejja ħidma minn Project Green f’Tal-Balal.

Net News żvela din l-aħbar ilbieraħ, iżda sa issa l-Gvern baqa’ fil-muta u fl-ebda ħin ma kellu reazzjoni jew ċaħad. Għalkemm ir-ritratti ppubblikati minn Ciavarello (isfel) jitkellmu weħidhom.

Antonino Ciavarello, oriġinarjament minn Palermo u residenti l-Mosta tressaq taħt arrest l-għada tal-jum li fih iċċelebra għeluq il-50 sena tiegħu.

Hu tressaq quddiem il-maġistrat Gianella Camilleri Busuttil.