Internazzjonali

Il-Pakistan: L-aktar elezzjonijiet neqsin mill-kredibbiltà għal ħafna snin

L-analisti barranin li qed jissorveljaw l-elezzjonijiet ġenerali fil-Pakistan qablu li dawn huma l-anqas elezzjonijiet kredibbli fl-istorja moderna tal-pajjiż… Dan ukoll meta żdiedu l-allegazzjonijiet dwar manipulazzjoni ‘sfaċċata’ tal-proċess elettorali.

Bħalissa għadu għaddej l-għadd tal-voti mill-elezzjonijiet tal-Ħamis, karatterizzati mill-inkwiet vjolenti u s-sospensjoni tas-servizzi relatati mat-telefons ċellulari. Għaldaqstant, ir-riżultati tal-elezzjonijiet qed idumu ma jidħlu, b’kuntrast mal-proċessi elettorali preċedenti fil-Pakistan

Madwar 44 partit qed jikkuntestaw għal siġġu fl-Assemblea Nazzjonali (Parlament) ta’ Islamabad. Madankollu, ħafna esperti qed jaqblu li l-eks Prim Ministru Pakistani Nawaz Sharif għandu jitqies bħala l-uniku kandidat serju għat-Tmexxija tal-Gvern ġdid.

Filwaqt li Sharif, ftit tas-snin ilu, kien qed jitqies bħala avversarju tal-militar (li għandu jinfluwenza kbira fil-Pakistan) ir-rota qed tidher li daret, b’Sharif, illum, qed ikun indikat bħala l-kandidat ippreferut tal-ġerarkija militari,

Sadanittant, Imran Khan – eks Prim Ministru Pakistani u leġġenda tal-cricket – spiċċa projbit milli jikkuntesta fl-elezzjonijiet. Dan wara li Khan kien tkeċċa mill-poter u meta bħalissa, qed jiskonta sentenza ta’ ħabs wara li nstab ħati dwar diversi reati. Madankollu, dan it-terminu ta’ priġunerija ma naqqasx mill-popolarità ta’ Khan fost il-poplu – u meta ħafna eks-membri tal-Partit PTI tiegħu, fil-preżent, qegħdin jikkuntestaw l-elezzjonijiet bħala kandidati indipendenti.