Il-President tar-Russja Vladimir Putin għamel minn kollox biex juri lilu nnifsu — kif ukoll il-Kremlin ta’ Moska — fl-aħjar dawl possibbli waqt intervista sinifikanti relatata mal-gwerra fl-Ukrajna li tagħlaq sentejn proprju dan ix-xahar.
Putin, b’sorpriża, kien aċċetta li jkun intervistat, f’Moska, minn Tucker Carlson, kummentatur politiku Amerikan li sa ftit ilu kien jippreżenta l-programm Tucker Carlson Tonight fuq l-Istazzjon Fox News. Madankollu, Carlson, waqt l-intervista, ħalla lill-President Russu jiddomina d-diskors u qatt ma insista bil-mistoqsijiet ‘delikati u pertinenti’ li setgħu ħallew lil Putin b’dahru mal-ħajt.
Filwaqt li Vladimir Putin ipprova jiġġustifika kull aspett tal-invażjoni brutali tal-Ukrajna mill-Armati tiegħu, Carlson fl-ebda ħin ma wettaq pressjoni fuq il-Mexxej Russu, li hu akkużat bħala kriminal tal-gwerra. Carlson lanqas ma kuntesta l-kummenti ta’ Putin, meqjusa bħala ‘qarrieqa għall-aħħar’ mill-osservaturi internazzjonali.
Tucker Carlson, qabel l-intervista, sostna li ‘il-laqgħa (intervista) ma’ Putin ( li damet aktar minn sagħtejn) kienet se tkun ‘trijonf għall-ġurnaliżmu ħieles’.
Iżda l-Amerikan injora wkoll il-fatt li Putin ilu talanqas 20 sena jipprova jeqred l-espressjoni ħielsa f’pajjiżu – u fejn ma tkellem xejn dwar id-direttiva tal-Kremlin biex kwalunkwe Russu li jgħid il-verità dwar il-gwerra fl-Ukrajna jispiċċa akkużat b’reati ‘kontra l-Istat’.
Vladimir Putin, waqt l-intervista, baqa’ jirrepeti l-pożizzjoni tiegħu u ta’ pajjiżu rigward il-konflitt li għaddej bħalissa fl-Ukrajna. Hu, fost oħrajn, ilmenta dwar l-allegata ‘espansjoni tan-NATO’ viċin l-artijiet ta’ pajjżu u waqt li insista li ‘Moska qatt ma qablet li l-Ukrajna tista’ tissieħeb fl-Alleanza tal-Punent’.
Putin, akkost ta’ kollox, ipprova jiġġustifika l-invażjoni tal-Ukrajna, fost l-insistenza li l-Kremlin ‘qed imexxi kampanja biex jeqred l-influwenza tan-Nażisti li qegħdin imexxu lill-poplu Ukren’. Fl-istess ħin, il-President Russu, inkredibbilment, insista li ‘ir-relazzjonijiet bejn ir-Russi u l-Ukreni, fil-futur, għandhom jitranġaw u jsiru tajbin’.
L-osservaturi, sadanittant, qalu li Vladimir Putin deher li ried jaghti bixra għal kollox diffeenti lil dak li għaddej tassew fl-Ukrajna – l-istess bħal meta hu, fi Frar tal-2022, kien bagħat lis-suldati tiegħu fl-artijiet tal-Ukreni bil-wiegħda li huma ‘kienu se jingħataw merħba kbira bħala liberaturi tal-poplu’.
Fl-istess ħin, Putin deher komdu ħafna waqt din l-intervista li saret fi żmien ta’ staġnar assolut fuq il-fronti tal-battalja fl-Ukrajna. Dan ukoll meta Putin qed jieħu r-ruħ mill-fatt li l-Alleati tal-Ukreni qed iżommu lura mill-għajnuna militari kontinwa lill-qawwiet tal-President Ukren, Volodymyr Zelensky.
Is-sitwazzjoni għall-Ukreni anki qed tidher pjuttost prekarja meta l-President Zelensky għadu kemm keċċa lil Valerii Zaluzhnyi minn Kap Kmandant tal-Armati tiegħu. L-ispjegazzjoni hi li l-qawwiet Ukreni, fil-preżent, qed ikunu suġġetti għal ‘reviżjoni u ristrutturizzazzjoni’.
Għaldaqstant, Putin jista’ jemmen li jinsab f’kontroll tas-sitwazzjoni, tant, li , waqt l-intervista, qal ukoll li r-Russja ‘tinsab lesta għal djalogu’ minbarra li ‘lesta wkoll għan-negozjati’.
Mill-banda l-oħra l-analisti li segwew bir-reqqa l-intervista qablu li Vladimir Putin għandu pjan biex jisfrutta kull element ta’ dubju fost is-sostenituri u alleati tal-Ukrajna – minbarra li jiżra d-dubji fost l-Ukreni infushom dwar il-ħtieġa li jkomplu jirreżistu lit-truppi tal-Kremlin.
//= $special ?>