Ekonomija Lokali

Ixxukjati minħabba li l-Gvern ma jridx inaqqas il-VAT

L-Assoċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering esprimiet sentiment ta’ xokk u tinsab konċernata bil-kummenti li għamel il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana meta f’seduta parlamentari qal li mhux se jkun qed jikunsidra l-proposta li jnaqqas il-VAT lill-istabilimenti tal-catering.

Fi stqarrija ACE qalet li meta Caruana qal li Malta għandha t-tieni l-inqas rata ta’ VAT wara l-Lussemburgu u injora kompletament il-fatt li ħafna pajjiżi fl-Unjoni Ewropea għandhom rati varji ta’ VAT partikolarment għall-ikel u r-restoranti. Tant hu hekk kompliet iżid din l-assoċjazzjoni, li Malta għandha s-sitt l-iktar rata għolja ta’ VAT għar-ristoranti, fost is-27 membru stat tal-Unjoni Ewropea.

Fost dawk li għadhom rata inqas ta’ VAT għal-istabbilimenti ta-catering insibu lill-Ġermanja, il-Belġju, l-Awstrija, il-Fillandja, l-Isvezja u l-Olanda. Barra minn hekk fis-settur tat-turiżmu Malta għandha l-ogħla rata ta’ VAT, dik ta’ 18%, b’kuntrast għall-Kroazja, Franza u Ċipru li għandhom rata ta’ VAT ta’ 5%, 6% u 9% rispettivament.

L-ACE semmiet l-eżempju prattiku tal-Greċja meta fis-sena 2019 naqset ir-rata tal-VAT minn 24% għal 13% u dan irriżulta fi tkabbir ekonomiku sinifikanti.

Intant, l-ACE qalet ukoll li l-kummenti tal-Ministru Clyde Caruana biex in-negozji Maltin iħarsu lejn dawk internazzjonali kienu ironiċi għax infatti restoranti li huma propjeta tal-barranin igawdu minn Income Tax b’rata ta’ 5% waqt li l-Maltin iħalsu 35%.

L-ACE kkonkludiet billi qalet li waqt li pajjiżi oħra jimpurtaw medja ta’ 10% tal-prodott tal-ikel Malta timporta iktar minn 70% u għalhekk id-daqqa tal-inflazzjoni tinħass ferm aktar.