Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Galea ikkonfermat sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin fil-konfront ta’ Grace Gatt ta’ 55 sena wara li ffrodat raġel madwar €186,350 (LM.80,000) f’każ’ li jmur lura 20 sena u ordnata tirrifondi lura l-flus lill-vittma.
Hija kienet akkużata li ffrodat lil John Attard mir-Rabat Għawdex bejn l-2004 u l-2005 diversi drabi. Hi kienet akkużata bi frodi, ‘trading in influence’ u rikatt fil-konfront ta’ John Attard mir-Rabat Għawdex. Attard, li kien jaħdem fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni f’Għawdex, qal li l-ewwel kuntatt ma Gatt kien meta ingaġġa s-servizzi tagħha bħala ‘debt collector’ fuq xi djun li kellu jiġbor mingħand terzi.
Ta’ dan, hi kienet tħallset. Iżda iktar tard hi qaltlu li kien hemm xi ħadd li jaħdem fil-Ministeru li kien se jagħmillu vendikazzjoni. Gatt, flimkien ma’ ċertu Lourdes Castillo, kienet ikkonvinċietu li hi taf nies qrib il-Ministru tal-Edukazzjoni ta’ dak iż-żmien Louis Galea, u li tista’ tirranġalu biex dan it-tali ma jibqax jagħmillu ħsara, diment li jkun lest li jħallas somma.
Gatt anki kkonvinċiet lill-vittma li iktar ma jħallas, saħansitra tkun tista’ tirranġalu biex jieħu promozzjoni. Iżda fil-Qorti irriżulta li la Gatt u lanqas Castillo ma kienu jafu lil Louis Galea jew persuni qrib tiegħu. Attard emmen dan kollu u spiċċa biex għadda Lm€140,000 (LM60,000) lil Grace Gatt fejn kien iħallas lill-kompliċi tagħha Lourdes Castillo li min-naħa tagħha kienet tgħaddihom lil Grace Gatt.
Sadanittant, John Attard ingħata x’jifhem li ċertu tfajla minorenni kienet ħadet grazzja miegħu u dan beda jibgħatilha messaġġi amorużi li kienu jiġu imwieġba. Eventwalment, hu rċieva telefonata, allegatament minn omm it-tfajla, fejn hedditu li se tirrapportah lill-Pulizija.
Ftit wara hu rċieva telefonata minn Gatt li qaltlu li kkonvinċiet lil omm it-tfajla biex ma tirrapportax lil Attard jekk iħallas €46,590 (Lm20,000). Hu kien qallha li ma kellux dak il-flus fuqu iżda l-imputata qaltlu li se tħallas lil ommha hi u hu iħallas lilha.
Iżda fil-Qorti, irriżulta li din kienet kollha messa in scena hekk kif it-tweġibiet għall-messaġġi tiegħu u t-telefonata li allegatament saret minn omm it-tfajla, fir-realta’ saru minn Lourdes Castillo. Kien fl-2017 hija nstabet ħatja u weħlet sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u ġiet ordnata tħallas lura lil Attard €102,492. Hija appellat mis-sentenza, bil-Qorti tal-Appell ma tvarja xejn mis-sentenza li kienet tgħat il-Maġistrat Doreen Clarke, illum Imħallef.
F’kawża separata deċiża fl-2012, Lourdes Castillo ukoll kienet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u ordnata tħallas lura €93,000 (madwar Lm40,000) fi żmien sitt xhur. Il-Prosekuzzjoni fil-każ kontra Grace Gatt tmexxiet mill-Ispettur Yvonne Farrugia.
//= $special ?>