L-aħħar żbroff vulkaniku lejn in-nofsinar ta’ Reykjavik, il-kapitali Iżlandiża, irriżulta fi ħsarat kbar għat-toroq u l-pipelines tal-pajjiż – bil-konsegwenza inkwetanti li ħafna residenti fil-penisola ta’ Reykjanes jinsabu mingħajr ilma sħun f’dawn il-jiem ta’ friża kontinwa.
L-iżbroff kien ilu mill-Ħamis u meta l-lava, ta’ lewn oranġjo, kien qed ibewweġ ‘il fuq b’mod konsistenti għat-tul taż-żmien. U waqt li l-iżbroff, fl-aħħar sigħat, naqas mill-intensità, l-Uffiċċju Meteroloġiku fl-Iżlanda wissa li s-sitwazzjoni kienet għadha fluwida, waqt li ma eskludiex għal aktar żbroffi fil-madwar tal-kapitali.
Mifhum li nhar il-Ħamis, l-ekwivalenti ta’ xi 15-il miljun metri kubi ta’ blat maħlul kien sploda ‘il fuq mill-art waqt l-ewwel seba’ sigħat tal-iżbroff — it-tielet wieħed fiz-zona lejn in-Nofsinar ta’ Reykjavik minn Diċembru.
Intant, numru ta’ attrazzjonijiet turistiċi, flimkien mal-iskejjel, il-kindergartens, il-mużewijiet u istituzzjonijiet oħra għall-pubbliku ma fetħux minħabba ċ-ċirkustanzi imprevedibbli. Fl-istess ħin, in-nuqqas tal-ilma sħun kien qed iħasseb lill-ogħla awtoritajiet tal-Gvern minħabba li l-Iżlandiżi fiz-zoni milquta x’aktarx li jridu jistennew sa jumejn oħra sakemm il-pajpijiet itellgħu l-pressa tal-ilma sħun għal livelli aċċettabbli.
Min-naħa tagħha, il-Prim Ministru tal-Iżlanda, Katrin Jakobsdottir, ammettiet li s-sitwazzjoni hi waħda ħażina, għalkemm insistiet li l-Iżlandiżi, fiċ-ċirkustanzi,. jistgħu jserrħu rashom mill-provvista tal-elettriku kif ukoll mill-ilma li hu tajjeb għax-xorb.
//= $special ?>