Il-Pulizija fl-Iżvizzera qatlu raġel li kien armat b’mannara u sikkina u li qabel kien qed iżomm madwar 15-il persuna bħala ostaġġi fil-vagun ta’ ferrovija. Ir-rapporti qalu li l-aggressur spiċċa jattakka lill-pulizija, li, min-naħa tagħhom, ma kellhomx għażla ħlief li jużaw l-armi tan-nar biex jipproteġu lilhom infushom u lill-ostaġġi.
Ħadd ma kien jaf xi skop seta’ kellu l-aggressur li, waqt id-drama, deher irrabjat u aġitat ħafna. Ir-raġel, wara, kien identifikat bħala Iranjan li kien qed ifittex il-kenn politiku fl-Iżvizzera, bil-Pulizija tikkonferma li hu kien tela’ fuq il-ferrovija minn stazzjon viċin ta’ Yverdon.
Il-mumenti drammatiċi bdew malli l-aggressur sforza lis-sewwieq tal-ferrovija biex jissieħeb mal-passiġġieri fil-vagun – u bil-passiġġieri, imbagħad, jikkuntattjaw lill-awtoritajiet biex jintervjenu waqt l-emerġenza.
Aktar tard waslet ukoll taqsima speċjali tal-pulizija minn Ġinevra li l-membri tagħha ċirkondaw il-ferrovija wieqfa – u fejn huma pruvaw jinnegozjaw mal-aggressur fuq ġewwa, mingħajr suċċess.
Intant, il-pulizija deċidew li jassedjaw il-ferrovija ladarba raw lill-aggressur jitbiegħed mill-ostaġġi – u bis-sitwazzjoni tinġieb taħt kontroll wara li l-uffiċjali tal-liġi użaw is-stun grenades biex jiddisorjentaw lir-raġel armat li baqa’ jirreżistihom sal-aħħar.
L-ostaġġi kollha li kienu fil-vagun, intant, inħelsu kollha qawwijin u sħaħ.
//= $special ?>