Kienu ħafna dawk li kkritikaw kif ġie mtella’ il-Malta Eurovision Song Contest ta’ din is-sena; festival li ħafna jkunu qed jistennew sena wara l-oħra.
Għall-ewwel darba fl-istorja, il-festival biex tintgħażel il-persuna li se tirrapreżenta lil Malta f’Mejju li ġej sar bħala programm televiżiv minflok b’udjenza bħalma kien isir qabel.
Fost dawk li urew id-dispjaċir tagħhom għal din id-deċiżjoni kien hemm l-għaqda OGAE Malta. Huma qalu li l-festival prestiġġjuż li tant huma kburin bih ġie relegat għall-programm televiżiv mingħajr udjenza li kienet tagħti lill-artisti lokali pjattaforma tant sabiħa u eċitanti. Saħansitra anke l-kantanti f’din l-edizzjoni urew id-dispjaċir tagħhom li l-ispettaklu ma kellux l-udjenza tant meqjusa bżonnjuża, fosthom il-kantant Ryan Hili.
Iżda minkejja dawn il-messaġġi ċari bi kritika kontra din id-deċiżjoni, il-Ministru responsabbli mill-PBS, Owen Bonnici qal li diversi fatturi, fosthom l-udejnza, tista’ xxekkel il-livell għoli li wieħed kien qed jistenna li joffri dan il-festival.
Quddiem dan kollu, Net News staqsa lill-Ministru x’jaħseb dwar id-deċiżjonijiet tal-PBS, li fl-ebda mument ma ċaħad illi ma jaqbilx magħhom. B’Owen Bonnici ma jwegibx lanqas jekk is-sena id-dieħla – il-festival – hux se jirritorna għal kif kien isir qabel.
Intant, fl-aħħar ġimgħat, il-PBS kompla jagħti iktar provi tad-diskriminazzjoni li qed iwettaq wara li l-ebda kummenti ta’ bdiewa ma ttieħdu u xxandru waqt is-servizz tal-aħbarijiet meta saret il-protesta tal-bdiewa. Għal dan, Owen Bonnici farfar kompletament.
//= $special ?>